Ġiet fi tmiemha l-ħolma Kolumbjana

Fl-Estádio Castelão ta’ Fortaleza, il-Brażil għelbu lil Kolumbja bl-iskor ta’ 2-1, quddiem grawnd ippakjat u mżewwaq bil-kulur isfar tal-maġġoranza ta’ partitarji Brażiljani preżenti.
Il-plejers Brażiljani mill-ewwel urew grinta liema bħalha biex jieħdu rebħa oħra u javanzaw pass ieħor f’din l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja.
Wara biss seba’ minuti, il-Brażil fetħu l-iskor meta minn azzjoni ta’ korner, id-difensur Kolumbjan Sanchez baqa’ mwaħħal mal-art u ħalla waħdu lil Thiago Silva li faċilment tefa’ l-ballun fix-xibka.
Fit-tieni taqsima l-Brażiljani komplew fejn ħallew qabel u komplew juru l-istess determinazzjoni.
Fid-69 minuta, frikik mill-aqwa, b’saħħtu u preċiż ta’ David Luiz sab il-kantuniera ta’ fuq tax-xibka u għeleb lil gowlkiper Kolumbjan Ospina.
Lejn l-aħħar għaxar minuti waslet ir-reazzjoni Kolumbjana, meta minn penalti James Rodriguez naqas id-distakk għall-iskor finali ta’ 2-1.
Il-Brażil għalhekk għamluha wkoll għas-semifinali u se jilagħbu kontra l-Ġermanja nhar it-Tlieta li ġej.