“Ġieli mmur indur mal-blokk biex forsi nara lil missieri fit-tieqa”

“Qed ngħaddu minn martirju, ma nafux kif inhuma, jekk hux qed jieklu, imma nifhmu li l-awtoritajiet tas-saħħa ħarġu dawn l-ordnijiet għall-ġid tagħna lkoll”.

Dan qalu ma’ Newsbook.com.mt raġel li l-ġenituri tiegħu jinsabu f’dar tal-anzjani u minbarra li ma jistax iżurhom lanqas jista’ jagħmel kuntatt magħhom mod ieħor. Dan fid-dawl tal-miżuri b’rabta mal-imxija tal-coronavirus. Ir-raġel irrimarka li għalkemm ġew promossi soluzzjonijiet biex wieħed iżomm kuntatt mar-residenti fid-djar tal-anzjani, fost l-oħrajn permezz ta’ Skype, stqarr li l-ġenituri tiegħu ma jafux iħaddmu t-teknoloġija.

“Litteralment, inħossni mitluf… ġieli mmur indur mal-blokk biex nara narax lil missieri fit-tieqa biex inxejjirlu”.

“Ilna fuq ġimgħa ma narawhom u nwasslulhom l-ikel”

Spjega kif ommu għandha d-dimensja u missieru jiekol biss mill-ikel li jeħdulhom hu u ħutu. “Sa ġimgħa ilu, f’dawn l-aħħar sentejn u nofs, konna nitqassmu u mmorru tliet darbiet kuljum ħdejhom u jagħtuhom l-ikel. Qed nibża’ li ommi ħa tinsina”.

Filwaqt li insista li jaf li s-sitwazzjoni mhi faċli għal ħadd, b’ton imbikkem appella lill-awtoritajiet biex tal-inqas jippermettulhom iħallu l-ikel mal-uffiċjali tas-sigurtà. Staqsa kif il-ħaddiema fid-djar tal-anzjani jistgħu jdaħħlu ikel take away li jitwasslilhom wara l-bieb, filwaqt li hu ma jistax jagħmel l-istess għal ommu u missieru.

Iktar kmieni dan ix-xahar, il-Gvern ħabbar li b’effett immedjat jitwaqqfu ż-żjarat kollha fid-djar tal-anzjani, tal-gvern, tal-knisja, dawk privati u San Vinċenz De Paul. Tħabbar ukoll li se jkunu jistgħu jidħlu biss u f’każi eċċezzjonali dawk il-persuni li jirrakkomandaw in-nursing officer, it-tabib, jew il-kap tad-dar residenzjali stess. Ġie spjegat li din l-għażla tkun determinata abbażi tal-kundizzjoni tar-resident.

Tħassib dwar il-carers li jmorru għand l-anzjani

Barra minn hekk, għat-tħassib tal-carers li jmorru jaħslu l-anzjani u jirranġawlhom il-mediċini, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci qalet ma’ Newsbook.com.mt li dawn m’hemmx bżonn li jilbsu maskra. Dan minkejja li jkunu viċin ħafna tal-anzjani.

Carers li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li l-anzjani stess qed iċemplulhom u jgħidulhom li jekk ma jkunux lebsin ilbies protettiv ma jriduhomx imorru għandhom. Kelliem għall-Gvern aċċerta lil dan is-sit li kull min jaħdem mal-pazjenti għandu lbies protettiv.

Intant, għall-anzjani li jgħixu fi djarhom, tnieda helpline b’mod partikolari għal dawk li m’għandhom lil ħadd min jgħinhom. Il-Gvern spjega li dawk li għandhom iżjed minn 60 sena, huma mingħajr l-ebda appoġġ, u għandhom bżonn mediċini, ikliet lesti jew prodotti tal-ikel, jistgħu jingħataw l-għajnuna billi jċemplu fuq 25903030.

Sas-Sibt f’nofsinhar, f’Malta kien hawn 73 persuna li rriżulta li huma pożittivi għall-coronavirus. Wieħed minnhom jinsab fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn