“Ġieli ma jagħtunix menù għax jaħsbuni ma nafx naqra” – Jeanesse

Jeanesse Abela, mara b’diżabbiltà, spjegat li meta tmur tiekol f’xi restorant ġieli ma tingħatax menù għax jaħsbuha ma tafx taqra.

Abela li kontinwament tissielet sabiex turi lis-soċjetà li ħadd m’għandu jwarrab persuni bħalha, kienet qed titkellem ma’ Newsbook.com.mt.

Abela qalet li tixtieq tara s-soċjetà tibdel il-mod kif tħares lejn persuni b’diżabilità. Stqarret li aktar ma jiġu meqjusa bħala persuni bħall-oħrajn, aktar faċli li jintegraw fis-soċjetà. Xi ħaġa li enfasizzat kienet li trid li tiġi trattata ta’ adulta. Qalet li minħabba li tinsab f’siġġu tar-roti, bosta jitrattawha qisha tifla minkejja li għandha 42 sena. Spjegat li oħrajn jaħsbu li għax għandha diżabilità, ma jkollhiex ġibdiet emozzjonali u sesswali bħal kwalunkwe persuna oħra.

Aqra: “Ħafna ma jafux kif jaġixxu ma’ persuna b’diżabilità” – Jeanesse

Jeanesse Abela tinsisti li hi tagħmel l-almu tagħha biex tgħix ħajjitha bl-aħjar mod li tista’. Qalet li minkejja dan, l-età hemm qiegħda u xi kultant tħoss li bil-limitazzjonijiet tagħha tmur xi ftit lura. Għaldaqstant temmen li l-aħjar ħaġa għaliha hu li tgħix ħajjitha u tagħmel dak li tixtieq illum qabel għada.

Irrimarkat li minkejja l-ostakli ta’ kuljum, persuni b’diżabilità xorta jistgħu jkomplu b’ħajjithom u jikkontribwixxu lis-soċjetà bħal ħaddieħor.

Il-kuraġġ ta’ Abela ġibed is-simpatija u l-ammirazzjoni ta’ għexieren ta’ Maltin li jsegwuha u jagħmlulha l-kuraġġ kemm f’mumenti ta’ saħħa, u anke f’oħrajn fejn forsi tinħakem minn dwejjaq, fost l-oħrajn għax tħoss li s-soċjetà ma tifhimiex.

Jekk tixtieq iżżomm ruħek aġġornat dwar il-ħajja ta’ Jeanesse tista’ ssegwi l-paġna tagħha ta’ Facebook.