“Ġieli lanqas ikollna x’nieklu” – tifla Maltija lil Fr Christmas

Ritratt: Jonathan Borba

“Ħuti għandhom diżabilità. Jien inkun ħafna muġugħa. Nixtieq li ħuti jfiqu. Ġieli lanqas ikollna x’nieklu imma kuntenta li għandi lil ħuti u lill-mummy u lid-daddy”.

Le din mhux xi storja bażika ta’ xi film imma storja li qed isseħħ proprju f’Malta u l-ittra ppublikata minn Angele Camilleri, il-kunsilliera inkarigata mill-qasam soċjali f’Ħaż-Żabbar, qed titfa’ dawl fuq realtà ta’ bosta familji.

Hekk kif ninsabu ftit aktar minn xahar ‘il bogħod mill-Milied, it-tfal jibdew jiktbu ittri lil Father Christmas biex jesprimu x-xewqa tagħhom dwar ir-rigali li jixtiequ jirċievu. Waqt li wħud jixtiequ rigali sbieħ hemm min qed jitlob għal affarijiet aktar bżonnjużi, affarijiet li kważi lanqas jitwemmnu li qed jintalbu.

Dan hija ittra li ttellgħet fl-aħħar sigħat mill-kunsiliera Żabbarija. Fl-ittra t-tifla qed titlob biex jekk jista’ Father Christmas jagħmel mezz biex il-ġenituri mqar ifiqu għal ġurnata waħda.

Din mhux l-ewwel darba f’dawn l-aħħar ġranet li l-kunsilliera Żabbarija ppubblikat dawn it-tip ta’ ittri. Fil-fatt ippubblikat l-ittra ta’ tifla li l-ġenituri tagħha m’għandhomx minfejn jixtru r-rigali tal-Milied minħabba f’mard fil-familja.

Jekk int tista’ tgħin b’xi mod fuq dawn iż-żewġ appelli jew inkella b’oħrajn, inħeġġuk biex tikkuntattja lill-kunsilliera Angele Camilleri fuq il-paġna tagħha ta’ Facebook fuq dan il-link.