“Ġieħ għall-pajjiż li persuni jiddedikaw ħajjithom għall-missjoni” – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li huwa ta’ ġieħ għall-pajjiż li persuni jiddedikaw ħajjithom għall-missjoni. Hu qal dan meta ltaqa’ mal-Isqof il-ġdid ta’ San Ġakbu Appostlu f’Huancané fil-Perù Mons. Giovanni Cefai MSSP fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

Fi stqarrija ġie spejgat li Delia qal li l-missjoni hija lil hinn minn xi forma ta’ xogħol jew karriera. Intqal ukoll li matul din il-laqgħa ġiet diskussa l-importanza tal-missjoni, l-għajnuna li l-Knisja Kattolika tagħti fil-formazzjoni u fl-edukazzjoni tal-persuni u l-ħidma li se jkun qed iwettaq Fr Giovanni Cefai fil-Perù.

Aqra: L-Isqof Giovanni Cefai f’Malta mill-Perù

Cefai huwa l-ewwel isqof Malti tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl u l-Papa Franġisku ħatru Isqof tal-Prelatura Territorjali l-ġdida ta’ Santiago Apóstol de Huancané, fil-Perù, lura f’April. Mons. Giovanni Cefai twieled iż-Żebbuġ Għawdex fil-5 ta’ Awwissu 1967 u ngħaqad mas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl fl-1984. L-ordinazzjoni episkopali tiegħu saret fit-22 ta’ Ġunju fil-Katidral ta’ Arequipa, il-Perù.

Hu se jkun qed jirritorna fil-Perù fit-18 ta’ Settembru li ġej.

Għal din il-laqgħa Delia kien akkumpanjat mill-Viċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari David Agius filwaqt li Fr Giovanni Cefai kien akkumpanjat minn Fr Frankie Cini MSSP Provinċjal.