Giegold kien imwaqqaf milli jiġi Malta

European Union 2018

Il-Membru Parlamentari Ewropew mill-Partit tal-Ħodor Sven Giegold kien imwaqqaf kemm-il darba biex ma jipparteċipax fid-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li se żżur Malta l-ġimgħa d-dieħla.

Din id-delegazzjoni hija ffurmata minn MEPs fil-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili li fl-aħħar xhur ħolqu bord ta’ monitoraġġ dwar is-Saltna tad-Dritt (Rule of Law).

Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li xi MEPs mill-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi kienu qed “jippruvaw jagħmlu minn kollox biex Giegold ma jipparteċipax”. Is-sorsi fi Brussell qalu li dan kollu kien qed isir taħt pressjoni mill-Gvern Malti.

Fissru li minħabba li Giegold ma jiffurmax parti mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili kien se jkun diffiċli ħafna li jitħalla jattendi. Spjegaw li bil-kuntatti li għandu fil-partit tiegħu stess, Giegold ħa post l-MEP Judith Sargentini. Sargentini kienet dik li kitbet ir-rapport li permezz tiegħu se jibdew proċeduri kontra l-Ungerija permezz ta’ Artiklu 7 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea.

Gomes mhux se tiġi Malta

L-MEP Portugiża mill-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi mhux se tifforma parti minn din id-delegazzjoni. F’intervista aktar kmieni l-ġimgħa l-oħra qalet ma’ Newsbook.com.mt li tinsab kuntenta li grupp differenti ta’ MEPs se jkomplu fuq ix-xogħol li bdiet hi bħala Kap tad-delegazzjoni li żar Malta għal aktar minn darba biex tistħarreġ kemm il-Panama Papaers u anki s-sitwazzjoni tas-Saltna tad-Dritt (Rule of Law) f’Malta.

Id-delegazzjoni tal-ġimgħa d-dieħla

Il-kap tad-delegazzjoni se tkun l-MEP Sopie in’t Velt mill-Partit tal-Liberali li hija magħrufa għad-deċiżjonijiet iebsin li tieħu. Fost l-MEPs hemm ukoll l-MEP Maltija Roberta Metsola li se tkun parti minn din id-delegazzjoni.

Id-delegazzjoni se żżur Malta bejn l-Erbgħa 19 u l-Ħamis 20 ta’ Settembru b’konferenza tal-aħbarijiet hija mistennija li tiġi msejjħa l-Ħamis waranofsinhar wara li l-MEPs ikunu ltaqgħu ma’ diversi membri tal-Gvern, għaqdiet u organizzazzjonijiet Maltin.