Giegold iħeġġeġ lill-Ewropa tieħu azzjoni kontra Malta

Read in English.

L-MEP Ġermaniż Sven Giegold qal li l-Kummissjoni Ewropea għandha taġixxi b’mod serju fil-konfront ta’ Malta u tibda diskussjonijiet mal-Gvern Malti dwar is-saltna tad-dritt ibbażata fuq Artiklu 7 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea.

Saħaq li l-Kummissjoni Ewropea għandha tiftaħ għadd ta’ proċeduri speċifiċi biex turi li Malta kisret it-Trattat.

Artiklu 7 jidħol fis-seħħ meta jiġi identifikat li xi pajjiż tal-Unjoni Ewropea jkun kiser il-valuri fundamentali tal-Ewropea u tal-Unjoni Ewropea. F’din l-eventwalità, il-Kunsill Ewropew jista’ jivvota biex jissosspendi lil xi pajjiż partikolari milli jivvota u jista’ wkoll jillimita l-aċċess għall-fondi Ewropej.

Fi stqarrija, Giegold qal li mhux biżżejjed li l-President Ursula von der Leyen tinkoraġixxi lill-Prim Ministru Malti biex ikompli bir-riformi.

Huwa kompla jgħid li każijiet ta’ nepotiżmu f’Malta huma sfaċċati tant li semma l-irwol li kien se jieħu Konrad Mizzi fl-OSCE. Il-Gvern imbagħad iddeċieda li jaħtar lil Jean Claude Micallef minflok Mizzi minħabba l-kritika negattiva li qamet.

Huwa ħeġġeġ biex il-Gvern jimpliementa r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja b’mod mgħaġġel u sħiħ.