Gidem lil ibnu talli daħak bih għax waqqa’ l-karawett

Missier li gidem lil ibnu wara li dan daħak bih għax waqqa’ pakkett karawett, issa jrid iqatta’ 150 siegħa jagħmel xogħol għall-komunità, skont ma ddeċidiet il-Qorti llum.

“Kif trid tgħallmu d-dixxiplina?” qal il-missier lill-Maġistrat, hu u jammetti li weġġa’ ħafif lil ibnu. “Hemm mod u mod,” qaltlu l-Maġistrat.

Il-missier gidem lill-iben ta’ 14-il sena meta dan beda jidħak bih għax waqqa’ pakkett karawett, li wasslu biex jheddu li jaqtagħlu l-konnessjoni tal-Wi-Fi. Meta kien sejjer biex jitfi l-Wi-Fi, l-iben ipprova jwaqqfu fiżikament. Fit-taqtigħa li segwiet, il-missier allegatament gidem lil ibnu.

Il-Qorti ddikjarat lir-raġel ħati u tatu s-sentenza ta’ 150 siegħa xogħol fil-komunità taħt superviżjoni. Il-Qorti ordnat ukoll ordni ta’ protezzjoni fuq iż-żagħżugħ. Missieru jista’ javviċinah iżda b’mod ċivili.