​“Gidem il-borża bit-trab biex jeħles mill-provi” – Pulizija fil-Qorti

Fil-Qorti llum xehed il-kuntistabbli tal-Pulizija li żamm lil Herman McKay meta l-akkużat allegatament xerred nofs kilo droga eroina fit-triq f’Awwissu tal-2007. 
L-avukati ta’ McKay sostnew li nnotaw diskrepanzi fix-xhieda tal-kuntistabbli tal-Pulizija li arresta lir-raġel fi Triq is-Serkin il-Marsa.
F’dan il-ġuri, McKay ta’ 34 sena qed jiġi akkużat fost l-oħrajn li kellu fil-pussess tiegħu droga li ma kinitx għall-użu personali tiegħu.
Fil-Qorti l-uffiċjal tal-Pulizija irrakkonta kif malli wasal fil-post, l-akkużat waddab iċ-ċavetta tal-karozza tiegħu u x’ħin il-Pulizija ġabruha u kienu se jiftħu l-karozza, McKay qalilhom biex ma jagħmlulux ħsara fiha.
F’dak il-ħin, ir-raġel ħataf mill-karozza borża kannella li kellha fiha boroż tal-plastik bit-trab kannella. Malli kien qed jirreżisti lill-Pulizija, l-uffiċjal spjega li McKay gidem il-borża u ferrex it-trab fit-triq bil-għan li jeħles mill-provi.
Kompla jixhed li l-pulizija sabu gazzetta li użaw biex jgħattu biha t-trab li nfirex fit-triq, filwaqt li l-uffiċjal spiċċa miksi bit-trab kannella.
Min-naħa tagħha, id-difiża qalet li dan l-uffiċjal tal-Pulizija issa qed isemmi affarijiet iktar dettaljati u li ma kinux issemmew qabel, minkejja li issa għaddew kważi ħdax-il sena mill-każ.
L-avukati ta’ McKay innotaw kif fix-xhieda tiegħu, l-uffiċjal tal-Pulizija l-ewwel qal li għatta t-trab b’kartuna, u issa biddel il-verżjoni u qal li għatta t-trab b’gazzetta.
Id-difiża staqsiet ukoll jekk huwiex normali li l-Ispettur tal-Pulizija ma jmurx fuq il-post f’każijiet bħal dawn.
Għall-akkużat qed jidhru l-avukati Franco Debono u Marion Camilleri.