“Gidba u invenzjoni li Nexia BT kellha uffiċċju fil-Ministeru tal-Ġustizzja” – Bonnici

Il-Ministru Owen Bonnici ċaħad billi ffirma affidavit li Nexia BT kellha uffiċċju fil-Ministeru tal-Ġustizzja meta kien Ministru hu.

Din l-informazzjoni ħarġet fis-seduta tal-inkjesta pubblika fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia tal-10 ta’ Lulju.

Il-Ministru, illum Ministru tal-Edukazzjoni, iżda dak iż-żmien Ministru tal-Ġustizzja, il-Kultura u l-Gvern Lokali, kariga li dam jokkupa mill-2014 sal-2020, mill-ewwel kien ċaħad dak li ntqal fil-qorti. Fis-seduta tal-10 ta’ Lulju, xehed Ian Abdilla, li kien Kap tat-Taqsima tar-Reati Kriminali fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.

Waqt ix-xhieda tiegħu, huwa qal li waqt li kienu qed jinvestigaw, instab li Nexia BT kellha preżenza f’ministeru minnhom. L-Avukat Jason Azzopardi, li qed jirrappreżenta lill-familja Caruana Galizia, staqsa lix-xhud jekk dan kienx il-Ministeru tal-Ġustizzja, u x-xhud wieġeb iva. Abdilla qal li ħaseb li Azzopardi se jsemmilu l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, iżda l-avukat ikkjarifika, “Kienu jsemmu l-OPM, imma kien il-Ministeru għall-Ġustizzja.”

Nexia BT kienet il-kumpanija li ħadet ħsieb tiftaħ il-kumpaniji sigrieti ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi fil-Panama. Il-Ministru mill-ewwel ċaħad dawn l-allegazzjonijiet. Dakinhar, fuq il-midja soċjali, kiteb illi dan kien kollu gideb ta’ Jason Azzopardi, li huwa wkoll Kelliem għall-Ġustizzja fl-Oppożizzjoni.

Fis-seduta tal-inkjesta tal-bieraħ, intqal li l-Ministru ppreżenta affidavit biex jiċħad dan. Illum huwa ppubblikaha fuq Facebook, u mill-ġdid, ċaħad dak li ntqal. Stqarr li mdorri jirċievi l-kritika u l-ġilda tiegħu xrafet, imma din ma setax iħalliha għaddejja. Sostna li ħadd mhu se jħammarlu wiċċu, lanqas Jason Azzopardi.

Fl-affidavit, Bonnici sejjaħ dan “gidba u invenzjoni mill-bidu sal-aħħar.” Speċifika illi ħadd marbut ma’ Nexia BT ma kellu uffiċċju fil-Ministeru tal-Ġustizzja, jew xi server fl-istess Ministeru. Għalhekk, ċaħad ukoll li ġie elevat xi server minn dan il-Ministeru b’rabta mal-investigazzjonijiet.

Bongu hbieb,Min jafni, jaf kemm jien inhobb nahdem, naghti r-rizultati u nahseb fil-pozittiv.Gieli nircievi kritika…

Posted by Owen Bonnici on Wednesday, July 15, 2020