“Gidba li xi LSEs se jitilfu xogħolhom” – Il-Gvern u l-MUT

Kemm l-Union għall-Għalliema Maltin (MUT) u anke l-Ministeru għall-Edukazzjoni sostnew li hija gidba li hemm xi Learning Support Educators (LSEs) li se jitilfu xogħolhom.

Dan wara li lbieraħ, fi stqarrija wara laqgħa mal-LSEs, l-Union għall-Għalliema Professjonali (UPE – Voice of the Workers) qalet li problema li qed tinkwieta għadd kbir ta’ Learning Support Educators (LSEs) hija li mis-sena skolastika li jmiss, imbagħad gradwalment, studenti b’LSEs shared se jitneħħielhom is-servizz.

Aqra: Studenti li għandhom LSEs shared se jitneħħielhom is-servizz – UPE

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni sostna li s-servizz tal-LSEs se jibqa’ jingħata. Fi stqarrija kkonferma li fil-pjanijiet tiegħu għandu l-ingaġġ ta’ aktar LSEs u mhux li jitnaqqsu, jiġifieri l-ebda LSE mhu se jitlef l-impjieg tiegħu.

Intant, l-MUT tenniet li l-bżonn tal-LSEs dejjem qed ikompli jikber u sostniet li minħabba f’hekk, kull min jgħaddi mill-interviews tal-LSEs mal-Gvern, Knisja jew skejjel indipendenti jidħol fl-impjieg fi ftit jiem. L-MUT sostniet li t-tibdiliet li rreferiet għalihom il-UPE, filwaqt li kienu amplifikati u interpretati ħażin, fil-verità se jwasslu għal bżonn akbar u mhux inqas ta’ LSEs.

Aqra: Qed iweġġgħu xi 3 LSEs fil-ġimgħa minħabba t-tqandil – UPE

L-MUT kompliet tgħid li  l-informazzjoni li LSEs impjegati bħala supply se jitilfu xogħolhom hija qarrieqa. Qalet dan għax bħalissa, l-union stess qed tinnegozja ftehim ġdid mal-Ministeru tal-Edukazzjoni sabiex in-numru ta’ LSEs impjegati fuq bażi supply ikunu jistgħu jieħdu impjieg regolari fix-xhur u s-snin li ġejjin.

F’reazzjoni għal dak li qalu l-MUT u l-Ministeru tal-Edukazzjoni, il-Kap Eżekuttiv Graham Sansone bagħat kopja tal-ftehim settorali u kkowta s-16-il punt ta’ dan id-dokument bl-isem ta’ ‘Enhancing Inclusivity’. Huwa qal li studenti li jkollhom bżonn LSE shared se jkunu qed jiġu miċħuda dan is-servizz b’detriment għall-istudenti u l-ħaddiema.