L-immigranti ma qabbdux nirien f’xi ċentru f’Malta – Il-Pulizija

Aġġornat 08:23 AM

Ritratt li qed jixxerred fuq Facebook u li qed jinstiga kummenti razzisti u ta’ mibegħda qalb għexieren ta’ Maltin, huwa qarrieqi. Dan għax, kif ikkonfermat minn kelliem għall-Pulizija, ma jirrappreżentax azzjoni li ġrat illum f’wieħed miċ-ċentri tal-immigranti.

Ir-ritratt, li ttella’ minn raġel fil-grupp Are you being served, juri nirien f’wieħed mill-kontejners li jgħixu fihom l-immigranti. Meta mistoqsi fil-kummenti għal iktar minn darba, jekk ir-ritratt hux każ li seħħ illum hu wieġeb iva. B’hekk kompla jinstiga aktar kliem aħrax minn massa ta’ nies rashom sħuna.

Intant, Newsbook.com.mt għamel diversi telefonati lill-Pulizija dwar il-każ sabiex jikkonferma jekk hux minnu li kien hemm nirien f’xi ċentru tal-immigranti fil-pajjiż. Il-Pulizija, kull darba kkonferma li m’hemm l-ebda każ ta’ rvellijiet jew nirien. Madanakollu aktar tard, l-istess raġel li tella’ r-ritratt, baqa’ jinsisti li l-każ seħħ fl-istess jum li tella’ r-ritratt.

Il-kummenti mhux biss qanqlu mibegħda lejn dawn il-persuni tad-demm u l-laħam li ma kinux fortunati biżżejjed li jitwieldu f’pajjiż fejn ma hemmx gwerer, iżda wasslu wkoll għal tgħajjir bejn il-poplu Malti nnifsu. Min jgħajjar lill-ieħor għax mhux kapaċi jikteb u jitkellem bil-Malti jew bl-Ingliż, u min jgħajjar lill-ieħor għax azzarda jipprova jiddefendi lil dawn l-immigranti.