Gidba fuq is-CV tista’ tibagħtek il-ħabs

Fir-Renju Unit, l-istudenti qed jiġu mwissija li jistgħu jaffaċċjaw sentenza ta’ priġunerija jekk ma jiktbux il-verità fis-CVs tagħhom.
Uffiċjali kontra l-frodi bagħtu gwida ġdida lil kull università fil-pajjiż biex min-naħa tagħhom jgħadduha lill-istudenti.
Bit-titlu Tispiċċax il-Karriera Tiegħek Qabel Tibda, il-gwida twissi li jekk ibagħbsu fil-marki jew iżidu attivitajiet extra-kurrikulari li ma jagħmlux, jistgħu jeħlu sa 10 snin ħabs.
Il-gwida tgħid ukoll li kull każ jinżamm fir-rekords tagħhom għal sitt snin, u għaldaqstant dan jista’ jwassal biex ixekkilhom meta jiġu biex japplikaw għal xogħol ieħor.
Student kien intbagħat 12-il xahar ħabs wara li gideb dwar il-kwalifiki tiegħu meta applika għal impjieg bħala għalliem temporanju.  Barra minn hekk mara ntbagħtet sitt xhur ħabs għax iffalsifikat xi referenzi u qalet li kellha żewġ A-levels meta ma kellha xejn.