​Ġibulna l-kontijiet tad-dawl ħalli nduruhom – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-PN se jkun qed idur il-kontijiet tad-dawl u tal-ilma ta’ dawk li jmorru għand il-partit bihom.
Waqt id-diskors tiegħu fil-Kunsill Ġenerali tal-PN, Delia qal li l-Gvern li fl-2013 tela’ bl-għajta dwar kontijiet tad-dawl u ilma għoljin issa qed jisraq lill-poplu Malti.  Skont Delia, permezz tal-mod kif qed jaqsam il-kontijiet u jagħmel il-kalkoli, il-Gvern qed jidħak bin-nies.
Kiri tal-ġuf u l-Iffriżar tal-Embrijuni
Delia qal ukoll li l-Prim Ministru Joseph Muscat ma jistax jgħid li huwa favur il-ħajja. Delia tenna li l-PN huwa favur il-ħajja mill-konċepiment sat-tmiem naturali tagħha. Stqarr li Muscat irid ineħħi l-valur tal-familja u li mhux qed jifhem li hija l-familja li żżomm lin-nies flimkien.
Skont Delia, Muscat qed jidħak bin-nies għax neħħa t-tifsira tal-familja u minflok daħħal dik tal-individwu. Qal li bl-emendi proposti, persuna tista’ tikri l-ġuf ta’ mara u tagħżel li tixtri tarbija.
Is-saħħa
Delia tkellem dwar dak li ddeskriva bħala “rebus” fl-Isptar Monte Karmeli. Qal li n-nies mhux qed jiġu tratti b’mod uman u li jrid isir titjib fis-servizz. Dwar it-tliet sptarijiet li l-Gvern biegħ, Delia sostna li kien hemm ukoll nefqa ta’ €50 miljun li l-unika rendikont tagħhom hija ħofra f’Għawdex. Żied jgħid li l-ħaddiema li ħaffruha l-anqas biss tħallsu.
Fi kliem Delia, il-partit diġà qed jgħin lil dawk il-pazjenti li ma jkunux jifilħu jħallsu l-ispejjeż tal-mediċini li jkollhom bżonn.
In-negozju
Dwar in-negozji, Delia qal li hemm negozju wara l-ieħor li mhux qed ikunu jistgħu jiftħu kont tal-bank f’Malta. Kompla jgħid li hemm ukoll banek barranin li ma jridux jagħmlu negozju ma’ Malta.
Lanqas proposta konkreta waħda – PL
F’reazzjoni għad-diskors ta’ Delia, il-Partit Laburista (PL) qal li Delia tkellem kontra l-avvanzi tekonoloġiċi fil-mediċina favur il-ħajja. Skont il-PL, fl-intervent Delia m’għamilx proposta konkreta waħda. Intqal ukoll li l-kontijiet f’Malta baqgħu rħas filwaqt li fl-Ewropa żdiedu t-trariffi.