“Ġibu l-paċi fi qlubkom u fid-dinja billi tmorru tqerru” – Il-Papa Franġisku

Morru qerru biex dawn il-festi iġibulkom il-paċi f’qalbkom.  Hekk qal il-Papa Franġisku lill-impjegati tal-Vatikan u l-familji tagħhom meta ltaqa’ magħhom f’dawn il-jiem biex jagħtihom l-awguri tiegħu. “Il-bieraħ mort inqerr u ħassejtni tajjeb”, qalilhom il-Papa.
Il-Papa kompla t-tradizzjoni li kien beda fl-2014 billi stieden lil dawk kollha li jaħdmu fil-Vatikan u l-familji tagħhom biex imorru għal udjenza speċjali miegħu fis-Sala Pawlu VI.  Kif kien dieħel fis-sala, il-Papa bierek, għannaq u bies uħud mit-tfal li kienu preżenti li uħud minnhom taw rigali jew noti lill-Papa li għadu kif għalaq 81 sena.
Il-Papa rringrazzja lill-impjegati li qal huma parti importanti fil-missjoni universali tal-Knisja u talli jgħinu biex jimxi l-Vatikan u s-Santa Sede li huma tqal ħafna u għandhom ħafna problemi.
Hu wiegħed li jrid isolvi problema li qed iddejjqu li hi x-xogħol prekarju fil-Vatikan. “ Ma rridx impjiegi prekarji u mhux dikjarati fil-Vatikan”, qal il-Papa għall-applaws kbir mill-ħaddiema u l-familji tagħhom.
Il-Papa talab għajnuna biex jemenda liġi li hemm fil-Vatikan li tippermetti għal kuntratti temporanji ta’ xogħol.  Hu qal li waqt perjodu ta’ prova jista’ jkun hemm kuntratt temporanju imma dan ma għandux jibqa’ temporanju għal aktar minn sena jew tnejn, żgur mhux għal perjodu itwal minn hekk.
“Irridu naħdmu biex nassiguraw li ma jkunx hawn xogħol prekarju aktar hawn ġew”, qal il-Papa filwaqt li talab maħfra għax din is-sitwazzjoni għadha teżisti. “Għalija din hi problema ta’ kuxjenza għax ma nistgħux nippriedkaw id-dutrina soċjali tal-Knisja u mbagħad nagħmlu affarijiet bħal dawn li m’humiex sew”.
Il-Papa ħeġġeġ lill-koppji u l-familji li meta jkollhom xi nkwiet jew ikunu fi kriżi ifittxu l-għajnuna u biex ma jiġġieldux quddiem it-tfal. It-tfal isofru meta jaraw lill-ġenituri jiġġieldu u mhux dejjem jifhmu għaliex ikun hemm dan il-ġlied.
“Ħudu ħsieb il-familji għax dawn huma ġawhra kbira”.
Hu ħeġġeġ lill-impjegati, partikolarment lil dawk li għandhom jagħtu eżempju tajjeb lill-oħrajn biex “jidmu ilsienhom” flok ikissru lin-nies b’diskorshom.
Fl-aħħarnett il-Papa reġa’ talab maħfra għax “aħna mhux dejjem nagħtu eżempju tajjeb. Meta ngħid aħna qed ngħid għalija stess u għall-kleru għax aħna wkoll kultant nitilfu l-paċenzja”.
“Hemm żbalji li aħna l-qassisin nagħmlu fil-ħajja, dnubiet, inġustizzji u kultant nittrattaw ħażin lin-nies. Aħfrulna dawn l-eżempji ħżiena kollha’.  Tibżgħux titolbu maħfra u jekk il-kuxjenza tkun qed tinkwetakom morru qerru.  Dan hu żmien tajjeb biex wieħed isib il-paċi miegħu nnifsu. Aħna lkoll midinba. Ilkoll kemm aħna.  Ejja nnaddfu qalbna biex ikollna l-paċi u l-ferħ”, temm jgħid Papa Franġisku filwaqt li tahom il-festi t-tajba.