“Ġibna lura 6,000 ekstesserat f’xahrejn” – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li fl-aħħar xahrejn kien hemm 6,000 ekstesserat li reġgħu resqu lejn il-partit bis-saħħa ta’ tim imwaqqaf apposta li xogħlu kien li jikkuntattja nies li tbiegħdu mill-partit.
Waqt kollegament telefoniku mal-istazzjon Radio 101, Dr Delia rrimarka li dawn in-nies reġgħu ġeddu t-tessera u bdew juru interess mill-ġdid fil-partit.
Illum il-PN għaddej bil-kampanja ta’ ġbir ta’ fondi, u l-Kap tal-Oppożizzjoni ddeskriva din il-ġurnata bħala importanti mhux biss għax jinġabru l-flus, imma l-aktar għax qed jintbagħat messaġġ li s-segwaċi Nazzjonalisti qed isaħħu lill-partit.
Sostna li dawn in-nies qegħdin wara l-PN għax jemmnu li l-messaġġ tal-partit huwa l-messaġġ tagħhom, għax fehmuh u għamluh tagħhom.
“Dan hu messaġġ li l-PN għandu, irid u jista’ jwassal għax huwa l-unika vuċi serja ta’ oppożizzjoni fil-pajjiż” , irrimarka Dr Delia.
Enfasizza li dan il-messaġġ idur kollu mal-idea ta’ għaqda fil-partit.
L-aspett volontarju fil-PN
Il-Kap tal-PN qal li l-partit jimxi primarjament bil-voluntiera li ma jidhrux, iżda li ħafna drabi l-partit jinsiehom.
Tenna li mingħajrhom il-PN ma jaħdimx, u rringrazzjahom personalment, filwaqt li żied jgħid li l-maratona hi wkoll sinjal ta’ ringrazzjament lejhom.
Dr Delia kien qed jitkellem mill-każin Nazzjonalista tal-Ħamrun wara dak taż-Żurrieq, hekk kif dalgħodu qed idur il-każini. Irrimarka li wara se jibqa’ sejjer dak ta’ Birkirkara u ta’ Ħal Għargħur.
Qal li fil-każini hemm atmosfera elettrifikanti.