Ġib permess qabel tikkampja f’xi żoni f’Kemmuna

Dawk li jixtiequ jikkampjaw f’Kemmuna jistgħu jagħmlu dan fiż-żona magħrufa bħala tal-Ful. Kull min irid jagħmel camping barra din iż-żona għandu jitlob permess lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA). Il-permessi jiġu deċiżi wara li t-talbiet jiġu evalwati mill-ERA u din tista’ timponi diversi kundizzjonijiet.

Matul ix-xhur li għaddew tlesta xogħol ta’ ristrutturar minn AmbjentMALTA fiż-żona tal-Ful. Dan ix-xogħol inkluda t-tneħħija ta’ materjal mormi illegalment, l-installazzjoni ta’ fencing, tħawwil ta’ siġar varji u invellar tal-art.

L-ERA spjegat li fl-istqarrijiet li ħarġet f’Jannar jirreferu għal azzjonijiet ta’ infurzar li ttieħdu fil-viċinanzi ta’ Santa Marija u l-attivitajiet irregolari li kienu qed iseħħu indiskriminatament. Dan wassal biex kien hemm degradazzjoni f’din iż-żona.

Diversi kundizzjonijiet huma marbuta mal-permessi temporanji li joħorġu biex isir ikkampjar fuq din il-gżira fosthom li wieħed irid jiżgura li ma ssir l-ebda ħsara lill-ambjent, kif ukoll li jirrispetta l-istatus protett ta’ din iż-żona. F’din iż-żona ħadd ma jista’ jagħmel tibdiliet fiżiċi lis-sit jew lil madwar kif ukoll ma jistax iħalli skart warajh.