Gianni Morandi jagħlaq 75 sena

In-nutar Mariella Mizzi ma' bintha Corazòn u Neville Refalo kienu ltaqgħu ma' Gianni Morandi

Il-kantant popolari Taljan Gianni Morandi llum qed jiċċelebra għeluq il-75 sena tiegħu. Huwa twieled f’Monghidoro, Emilia-Romagna, fl-Italja nhar il-11 ta’ Diċembru 1944. Apparti li huwa kantant, Morandi huwa wkoll attur u f’dawn l-aħħar tlett snin stajna nsegwuh fis-sensiela L’Isola di Pietro tal-istazzjon Canale 5.

Kien iddebutta fl-1962 u rebaħ għadd ta’ festivals fosthom Canzonissima fl-1969. Sena wara kien irrappreżenta l-Italja fil-Eurovision Song Contest bil-kanzunetta Occhi di Ragazza.

Fl-1987 rebaħ Sanremo bil-kanzunetta Si Può Dare di Più ma’ Enrico Ruggeri u Umberto Tozzi.

Apparti fis-sensiela L’Isola di Pietro, Morandi ħadem ukoll fis-sensiela Voglia di Volare, kif ukoll 18-il film għaċ-ċinema.

Lil Morandi kellna wkoll li narawh hawn Malta filwaqt li bosta Maltin oħra wkoll attendew għall-kunċerti tiegħu fl-Italja.

In-nutar Mariella Mizzi, flimkien mat-tifla tagħha Corazòn u l-kantant Neville Refalo wkoll kellhom l-opportunità li jiltaqgħu ma’ Morandi. F’post li kienet kitbet fuq il-paġna tagħha fuq Facebook, Mariella Mizzi kienet ikkummentat, “Gianni Morandi, minkejja li fix-xena tal-mużika għandu statura enormi, huwa l-aktar wieħed umli u baħbuħ”.