Gianni Morandi b’messaġġ romantiku lil martu Anna f’okkażjoni partikolari

Ritratt: Instagram

Gianni Morandi għandu ħafna segwaċi u tul is-snin seraq il-qlub ta’ ħafna nisa, iżda jidher li hemm mara waħda biss li rnexxielha tisraqlu qalbu: martu Anna Dann.

F’dawn l-aħħar ġranet, Morandi għamel bħal ħafna nies oħra u rħilha għal midja soċjali biex jibgħat messaġġ romantiku lil martu, fl-okkażjoni tal-25 sena li kienu ltaqgħu l-ewwel darba!

“Anna, għaddew 25 sena minn mindu sirt nafek u minn mindu bdiet l-istorja ta’ mħabba ta’ bejnietna. Dak inhar sirt inħobbok, u bqajt affaxxinat b’għajnejk u qatt ma kont ħsibt li, 25 sena wara, kont se nibqa’ nħobbok daqshekk intensament” jgħid il-messaġġ, li ġibed l-ammirazzjoni ta’ bosta għall-fatt li Morandi mhux qed ifakkar il-jum li żżewweġ lil martu, iżda l-jum li kien iltaqa’ magħha l-ewwel darba!

Gianni Morandi u Anna Dann kienu ltaqgħu fl-1994, u kellhom lil Pietro fl-1997. Huma żżewwġu fl-2007, 13 snin wara li kienu ltaqgħu.

Intant, fi ftit tal-ġimgħat oħra, fuq Canale 5, se tkunu tistgħu ssegwu lil Gianni Morandi fit-tielet kapitlu tas-sensiela L’Isola di Pietro.

AQRA: Morandi mill-ġdid attur iżda mingħajr Lorella Cuccarini!