Gianluca u l-Pusè f’attività b’risq Puttinu Cares

Gianluca Bezzina u George Curmi l-Pusè għada filgħaxija se jkunu parti minn attività filantropika b'risq Puttinu Cares, li se ssir fuq il-Black Pearl f’Ta’ Xbiex.

Awakening 2013 qed issir fuq l-inizjattiva ta’ Ian Azzopardi Meli bl-involviment ta’ diversi mużiċisti, tinkludi sessjoni ta’ tifħir lil Alla b’mużika kontemporanja.

Newsbook.com.mt tkellem mal-organizzatur Ian Azzopardi Meli appella lill-pubbliku biex jattendi u jgawdi l-mużika.

Żied jgħid li hemm il-pjan li din l-attività terġa’ ssir fis-snin li ġejjin u tiġi estiża wkoll għall-gruppi oħra.

60% tal-flus li se jinġabru mill-attività se jmorru għal Puttinu Cares, filwaqt li bl-40% l-oħra se ssir produzzjoni ta’ CD, li eventwalment meta jinbigħ il-fondi jmorru wkoll għal Puttinu Cares.

Persentaġġ minn fuq ix-xorb se jmur ukoll b’risq Puttinu.

Id-dħul huwa b’xejn, iżda kull min jixtieq jista’ jagħti donazzjoni mal-bieb. Il-bibien jiftħu fit-8 pm.

Preżenti se jkun hemm ukoll rappreżentant minn Puttinu Cares kif ukoll Paul u Denise Mintoff li se jippreżentaw is-serata.