Gianluca Dingli fis-7 post tal-kampjonat Rok Cup Italia

Is-sewwieq tal-karting Gianluca Dingli rritorna minn Lonato fejn ikkompeta fit-tielet rawnd tal-kampjonat Rok Cup Italia. It-tlielaq saru l-Ħadd 30 ta’ Awwissu. Dingli kkompeta fil-klassi Super Rok li kienet tikkonsisti minn 14-il sewwieq minn pajjiżi differenti, l-Italja, Svizzera, Monaco, u Andorra. Dingli, li kien l-unika Malti, saq mat-tim Taljan Valtex Racing Team.

Waqt il-provi Dingli spiċċa fit-12 il-post, filwaqt li aktar tard avvanza 4 postijiet u spiċċa fit-8 post. Fl-ewwel tellieqa uffiċjali reġa’ avvanza 4 postijiet oħra biex spiċċa fir-raba post. Fl-aħħar tellieqa tal-ġurnata Dingli fuq kart numru 308 tilef 3 postijiet u b’hekk spiċċa fis-7 post.

Din kienet it-tieni darba li Dingli saq ġewwa Lonato din is-sena u b’hekk qiegħed dejjem isir aktar familjari maċ-ċirkwit u jinsab determinat li jkompli jnaqqas il-ħin tiegħu.

Fil-jiem li ġejjin Gianluca Dingli ser ikun qiegħed jirritorna ġewwa l-Italja għal aktar taħriġ qabel jikkompeti fil-finali tal-karting għad-9 darba.

Dingli rringrazzja lill Valtex racing team u lid-ditta tal-magni STM, fejn qal li mingħajr is-sapport tagħhom ma seta’ qatt jagħmel is-suċċess li għamel ġewwa Lonato.

Dan it-tagħrif twassal minn motorsport.mt