Gianluca Cilia jkanta quddiem il-ġurati

Fil-Belt Kapitali tal-Ġorġja Tbilisi, Gianluca Cilia għadu kemm temm l-interpretazzjoni tiegħu ta’ Dawra Tond li biha qed jirrappreżenta lil pajjiżna fil-Junior Eurovision 2017.
Cilia deher kunfidenti u anke ntlaqa’ tajjeb minn dawk li kienu qed isegwuh fis-sala.
Fost dawn kien hemm ukoll il-ġurati li kienu qed isegwu lis-16-il kantant u kantanta biex jagħtu l-ewwel ammont ta’ punti qabel is-serata finali t’għada filgħaxija.
Ta’ min jgħid li fil-kurituri u fis-sala fejn qed isir il-Junior Eurovision din is-sena għaddejja diskussjoni sħiħa u kontroversjali peress li għall-ewwel sena min se jkun qed jara x-xandira t’għada, jista’ jivvota għal pajjiżu stess.
L-iżjed li qajjem diskussjoni kien Jan Ola Sand li huwa d-direttur tal-EBU li jorganizza l-festival li ta x’jifhem li din tista’ tkun mossa bħala prova għal dak li jista’ jiġri għall-festival tal-kbar f’Mejju.
Fl-istess belt fejn qed isir il-Festival dalgħodu ukoll kien hemm lukanda li ħadet in-nar. Newbook.com.mt jinsab infurmat li ħadd mid-delegazzjoni Maltija ma weġġa’ minħabba f’dan l-inċident.
Filmati u Ritratti: Eurovision Song Malta