Gianluca Cilia jirbaħ il-Malta Junior Eurovision 2017

Il-kantant Gianluca Cilia se jirrappreżenta lil Malta fil-Junior Eurovision 2017.
Gianluca jgħix in-Naxxar u għandu 9 snin. It-tifel għandu għal qalbu ħafna l-kanzunetti ta’ Massimo Ranieri u ta’ Michael Buble. Jgħid li ma jgħix mingħajr oħtu ż-żgħira u l-Wifi.  Fil-ħin liberu tiegħu jippreferi jikteb l-istejjer u jixtieq li fil-futur isir awtur magħruf, apparti li jkompli jkanta.
Fit-tieni post Veronika Rotin u fit-tielet post spiccat Rianne Demicoli.
Din se tkun il-ħmistax-il edizzjoni tal-konkors u se jsir fis-26 ta’ Novembru fil-belt kapitali tal-Ġorġja Tbilisi.
Il-kantant rebaħ dan id-dritt wara li ġie magħżul minn fost 10 parteċipanti li ħadu sehem waqt serata televiżiva li xxandret fuq l-istazzjon nazzjonali.
Il-programm ixxandar kmieni wara nofsinhar bl-għan li dan il-ħin jilħaq iżjed tfal u l-adolexxenti, l-udjenza ewlenija li għaliha huwa mmirat il-festival.
Il-mistiedna speċjali fis-serata kienu Gaia, Destiny, Federica u Christina Magrin li lkoll fil-passat riċenti irrappreżentaw lil Malta fl-edizzjonijiet ta’ dan il-festival li jlaqqa’ t-talenti tal-adolexxenti Ewropej.
Ma’ Newsbook.com.mt ic-CEO tal-PBS John Bundy spjega li issa li l-poplu għażel bit-televoting, se jibda l-proċess biex il-kompożituri u l-awturi Maltin u barranin japplikaw biex tinkiteb il-kanzunetta għall-kantanta rebbieħa.
Interessanti l-fatt li s’issa l-maġġoranza tal-parteċipanti li ħadu sehem f’isem Malta f’dan il-konkors kienu bniet. S’issa kien biss tifel wieħed – Daniel Testa – li fl-2008 ħa sehem. Ma’ dan fil-grupp Young Talent team li kantaw għal Malta fl-2004 kien hemm ukoll 4 subien: Timothy J, Julian, Josef u Rodney. Pero’ l-kumplament tal-kantanti minn mindu Malta bdiet tieħu sehem fl-2003 [b’waqfa bejn l-2011 u l-2012] kienu kollha bniet.