Gianluca Bezzina għall-Eurovision 2013 fl-Iżvezja bid-diska ‘Tomorrow’

Il-kantant żagħżugħ Gianluca Bezzina se jkun qed jirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest 2013. Dan wara li fl-edizzjoni finali tal-Malta Eurovision Song Contest tas-Sibt filgħaxija spiċċa fl-ewwel post b’total ta’ 92 punt.

Bil-kanunetta ‘Tomorrow’ li hi kliem u mużika ta’ Boris Cezek u Dean Muscat, f’Mejju li ġej, it-tabib Gianluca Bezzina se jirrappreżenta lil Malta f’Malmo l-Iżvezja.

Ta’ min jgħid li fit-58 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest, Gianluca Bezzina se jkun qed ikanta fit-tieni semifinali li se jsir il-Ħamis 16 ta’ Mejju, biċ-ċans li jasal fis-serata finali li se ssir is-Sibt 18 ta’ Mejju.

Fl-edizzjoni finali tal-Malta Eurovision, il-kanzunetta Needing You interpretata minn Kevin Borg spiċċat fit-tieni post bi 80 punt filwaqt li l-kanzunetta Betrayed interpretata minn Davinia Pace spiċċat fit-tielet post bi 48 punt.