Għotja finanzjarja lill-każini tal-banda Maltin u Għawdxin

Ritratt: DOI / Pierre Sammut

Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjari Edward Scicluna, bħala l-Ministru li jamministra l-Fond għall-Kawżi Ġusti, ta s-somma ta’ €200,000 lill-Għaqda Każini tal-Banda, sabiex jitqassmu f’ammonti ndaqs bejn il-Każini tal-banda kollha ta’ Malta u Għawdex. Dan b’rikonoxximent għall-impenn soċjo-kulturali li dawn il-każini jagħtu lejn is-soċjetà Maltija, fejn il-maġġoranza tagħhom jagħmlu dan fuq bażi volontarja.

Fil-laqgħa, il-Ministru Scicluna rrikonoxxa l-irwol li dawn il-każini jagħmlu fl-ibliet u fl-irħula tagħna, kemm f’dak li huwa tagħlim ta’ mużika liż-żgħażagħ u kif ukoll fl-attivitajiet li jiġu organizzati tul is-sena kollha. Huwa kompla billi rringrazzja lil dawk il-persuni kollha li b’mod volontarju jqattgħu siegħat twal f’dawn il-każini, jaħdmu qatigħ biex ikattru l-kultura Maltija fejn tidħol il-mużika u l-festi tradizzjonali tagħna.

Il-Ministru Scicluna qal, “Din hija sena partikolari fejn minħabba l-pandemija Covid-19, qed jiġu mħassra l-festi kollha li s-soltu jsebbħu s-sajf Malti u Għawdxi, iżda f’dan il-mument hekk jeħtieġ li jsir għal ġid tas-saħħa tal-poplu tagħna. Ir-restrizzjonijiet li daħħlu, fisser ukoll li l-introjtu finanzjarju għal dawn l-għaqdiet naqas jew waqaf u dan ġab sfidi oħra għall-kumitati li jmexxu l-għaqdiet.”

Il-Ministru Scicluna kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera u mis-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjari u l-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo.

L-Għaqda Każini tal-Banda kienet rappreżentata għal din il-laqgħa mill-President Dr Noel Camilleri, mit-Teżorier is-Sur Christopher Briffa u mil-Amministratur tal-Għaqda s-Sur Randal Micallef. 

Il-każini tal-baned huma mitluba jibgħatu ittra bid-dettalji tagħhom, liema ittra trid tkun iffirmata mill-President u t-Teżorier tal-għaqda kkonċernata u mibgħuta lill-

Ministeru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjari

Good Causes Fund – Skema Covid-19 Każini tal-Baned

Maison Demandols, Triq in-Nofsinhar

Il-Belt Valletta

Sa mhux aktar tard mill-Erbgħa 13 ta’ Mejju 2020.

Iċ-ċekkijiet lill-każini tal-banda ser ikunu qed jintbagħtu sa-l-aħħar ta’ Mejju 2020.