Għotja demm minflok l-ikla tas-soltu tax-xogħol tal-Milied

Normalment f’dan iż-żmien tas-sena d-diriġenti tal-postijiet tax-xogħol flimkien mal-ħaddiema tagħhom ikunu qed jistennew bil-ħerqa l-ikla tal-Milied. Iżda b’rispett lejn il-kontroll tal-pandemija din is-sena dan mhux ser ikun possibbli. Mill-banda l-oħra, is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm qed jinnota li b’mod spontanju għadd ta’ diriġenti u ħaddiema qed jagħmlu għażla differenti billi jingħaqdu u jagħtu d-demm flimkien.

Il-ġest ta’ dawn in-nies f’dan iż-żmien partikolari fejn mhux kulħadd qed igawdi saħħtu hu ferm apprezzat, anzi għandu jkun xempju għal oħrajn u b’hekk ikollna Milied ta’ tama għal dawk rikoverati fl-isptarijiet ta’ Malta u Għawdex.

Dawk li jixtiequ jagħmlu dan il-pass huma mħeġġa biex jersqu:

  • fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ kuljum 7 ijiem fil-ġimgħa (inkluż il-Ħdud u l-Festi Pubbliċi) mit-8:00am sas-6:00pm.  
  • fil-mobile blood donation unit li nhar il-Ħadd 13 ta’ Diċembru mit-8:30am sas-1:00pm ser ikun maġenb il-Knisja Parrokkjali tal-Imġarr.
  • fil-Berġa tax-Xewkija li nhar It-Tlieta 15 ta’ Diċembru ser tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1:00pm sal-5:00pm.

 Noti importanti!

  • Meħtieġ li wieħed iġib il-Karta tal-Identità, jew il-Liċenzja tas-Sewqan jew Passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.
  • Kulmin ser jersaq biex jagħmel it-test, jew qed jistenna r-riżultat tal-coronavirus ma jkunx jista’ jagħti demm sakemm ikollu riżultat li hu negattiv għall-virus.

Dan it-tagħrif twassal mis-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm.