Għotja demm hija Strina lill-morda

Il-maratona tal-Istrina li saret fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet b’risq dawk li għandhom bżonn għajnuna minħabba ċirkostanzi ta’ mard reġgħet uriet il-qalb ġeneruża tal-Maltin u l-Għawdxin. Mil-lat ta’ għoti ta’ demm wieħed jista’ jgħid ukoll li fil-jiem li għaddew id-donazzjonijiet tad-demm ma kienux nieqsa, u dan ser iwassal biex minkejja l-ħafna diffikultajiet u sfidi li kellna tul din is-sena nispiċċawha b’togħma tajba.

F’dan iż-żmien meta l-umanità qed tħares lejn is-sena 2021 b’ottimiżmu, Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjon tad-Demm jawgura s-Sena t-Tajba lil kulħadd u jkompli jħeġġeġ lill-pubbliku biex jagħti demm bħala Strina lil tant morda li f’dawn il-jiem ta’ festi qed jiġu rikoverati fl-isptarijiet ta’ Malta u Għawdex.

Għaldaqstant l-għoti tad-demm bħala Strina, fil-jiem li ġejjin jista’ jsir: 

  • fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ KULJUM (7 ijiem fil-ġimgħa – anki fil-festi pubbliċi* u jiem ta’ vaganzi) mit-8:00am sas-6:00pm.  
  • fil-mobile blood donation unit li nhar il-Ħadd 3 ta’ Jannar mit-8:30am sas-1:00pm ser ikun fil-Pjazza ta’ quddiem il-Knisja Arċipretali tal-Mellieħa.
  • fil-Berġa tax-Xewkija li nhar Il-Ħadd 3 ta’ Jannar ser tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm.
  • B’eċċezzjoni, jekk ir-riserva tad-demm tkun tippermetti, nhar l-Ewwel tas-Sena, Iċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ G’Manġa jagħlaq fis-1:00pm minflok fis-6:00pm.

 Noti importanti!

  • Meħtieġ li wieħed iġib il-Karta tal-Identità, jew il-Liċenzja tas-Sewqan jew Passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.
  • Kulmin ser jersaq biex jagħmel is-swab test tal-coronavirus jew qed jistenna r-riżultat tiegħu ma jkunx jista’ jagħti demm sakemm joħroġ r-riżultat li hu negattiv għall-virus.

Dan it-tagħrif twassal mis-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm.