Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjioni tad-Demm jixtieq jirringrazzja lil dawk is-60 donatur li nhar il-Ħadd li għadda resqu biex jagħtu d-demm.
Wara dan in-numru tajjeb ħafna ta’ donazzjonijiet, s-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm ikompli jħeġġeġ iktar Għawdxin biex it-Tlieta 28 ta’ Lulju jersqu u jagħmlu dan il-ġest t’altruiżmu għall-benefiċċju ta’ dawk li bħalissa qed jieħdu l-kura fl-isptarijiet ta’ Malta u Għawdex.
Bħas-soltu, l-għoti tad-demm fil-Berġa tax-Xewkija fil-jum tat-Tlieta jkun mis-1:00pm sal-5:00pm.
Huwa ferm importanti li dawk li ser jersqu biex jagħtu d-demm iridu jippreżentaw l-karta tal-identità, jew il-liċenzja tas-sewqan inkella passaport Malti, u possibbilment iħajjru lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.
Noti importanti:
Bħala prevenzjoni tat-tixrid tal-corona virus, għadhom qed jittieħdu miżuri ta’ mitigazzjoni biex ikun protett kulmin jersaq biex jagħti d-demm, kif ukoll il-professjonisti tas-Servizz.
Dan it-tagħrif twassal min-National Blood Transfusion Centre.