Għomor il-ħabs għaż-żagħżugħ li pprova jisplodi ferrovija

Żagħżugħ Iraqi li kien qed ifittex l-ażil fir-Renju Unit weħel għomru l-ħabs, b’sentenza minima ta’ 34 sena qabel ma jkun jista’ japplika għall-parole.
Dan wara li fl-2017 kien ipprova jisplodi bomba li kien għamel hu stess f’ħin li l-aktar ikun hemm traffiku fiż-żona tal-ferroviji tal-passiġġieri. Dan l-attakk kien weġġa’ 30 persuna.
Ahmed Hassan instab ħati li pprova joqtol passiġġieri tal-ferrovija. Li kieku mhux għax il-bomba ma ħaditx kif suppost, setgħet isseħħ traġedja ferm akbar.
Iż-żagħżugħ li għandu bejn it-18 u l-21 sena, wasal l-Ingilterra illegalment fl-2015 u qal lill-uffiċċjali li għamel tliet xhur f’kamp tat-taħriġ tal-Istat Islamiku (ISIS).
Fil-Qorti ntqal ukoll li ż-żagħżugħ kien immotivat jagħmel dan l-att barbaru minħabba t-twemmin li kellu fl-estremiżmu tal-ISIS, il-mibgħeda tiegħu lejn l-Ingilterra, ix-xewqa li jagħmel vendetta privata kontra l-Ingliżi u l-Amerikani li jgħid li minħabba fihom inqatel missieru fl-Iraq u r-rabja lejn l-attakki bil-bombi fl-Iraq mill-koalizzjoni tas-setgħat tal-Punent.
Fil-Qorti Hassan qal li minkejja li għamel il-bomba hu stess, l-intenzjoni tiegħu qatt ma kienet li joqtol in-nies iżda li jiġbed l-attenzjoni tagħhom.