Għomor il-ħabs għal ekspolitiku għoli fiċ-Ċina

Dak li sa tliet snin ilu kien il-kap tas-sigurtà fiċ-Ċina, intbagħat il-ħabs għal għomru wara li nstab ħati ta’ €19-il miljun ta’ tixħim, abbuż tal-poter u li żvela, apposta, sigrieti tal-istat.
Zhou Yongkang hu l-iktar politiku ta’ livell għoli li qatt iffaċċja akkużi ta’ korruzzjoni taħt it-tmexxija komunista taċ-Ċina u sal-2012 kien fost l-iktar nies b’poter fil-pajjiż.
Hu tqiegħed taħt investigazzjoni sena wara li rtira, bħala parti mill-kampanja tal-President Xi Jinping kontra l-korruzzjoni.
L-ekspolitiku, illum ta’ 72 sena, ammetta l-ħtija tiegħu u qal li ddispjaċih ta’ li għamel u għall-ħsara li għamel lill-partit u lill-poplu.
L-ammissjoni ssorprendiet lil ħafna fiċ-Ċina li kienu qed jistennew li jibda proċess sħiħ u jinkixfu għadd ta’ sigrieti.
Ħafna qed jistaqsu jekk kienx hu biss korrott ladarba kien persuna daqshekk importanti fil-ġerarkija politika.