Għoli tal-ħajja: F’Malta 18% irħas mill-UE

Read in English.

L-istatistika tal-Eurostat turi li l-għoli tal-ħajja f’Malta huwa 18% orħos mill-medja fl-Ewropa. Turi wkoll li Malta qiegħda fil-livell ta’ 82% tal-medja fl-Unjoni Ewropa. Dan ifisser li l-prezzijiet ġenerali f’Malta huma orħos minn dawk fil-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

L-istatistika kejlet il-prezzijiet fit-28 stat membru tal-Unjoni Ewropea matul is-sena li għaddiet. Jidher ukoll li l-Portugall, is-Slovenja u l-Greċja kellhom l-istess livelli ta’ prezzijiet bħal dawk ta’ Malta.

Skont l-istatistika, il-prezzijiet tat-tabakk u l-alkoħol u t-tessuti f’Malta huma daqs tal-medja Ewropea. Mill-banda l-oħra, il-prezzijiet tal-ikel u tax-xorb mhux alkoħoliku, tal-ekwipaġġ tat-trasport personali u tal-elettronika huma ogħla mil-livell Ewropew. Il-prezzijiet tar-ristoranti u tal-lukandi huma inqas mill-medja bi kważi 20%.

Fl-Unjoni Ewropea, l-ogħla prezzijiet ġew irreġistrati fid-Danimarka filwaqt li l-irħas prezzijiet ġew irreġistrati fil-Bulgarija.