Għodod ġodda biex iż-żgħażagħ jaqbdu t-triq tan-negozju

Il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija ta’ Malta flimkien mal-Bank of Valletta p.l.c. organizzaw l-avveniment ‘Negozju Ġdid b’Saħħtu, Għodda għas-Suċċess’, bħala parti mill-Ġimgħa tal-SMEs f’Malta għall-2017 nhar l-Erbgħa, 4 ta’ Ottubru. L-avveniment b’attendenza tajba, kien immirat biex jinkoraġġixxi liż-żgħażagħ jaqbdu r-rotta ta’ negozju ġdid u jsiru imprendituri.
Matul l-avveniment il-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta flimkien mal-Bank of Valletta nedew ‘Sett ta’ Għodod għall-SMEs’ tal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta u l-BOV. http://www.maltachamber.org.mt/en/sme-toolkit
Is-Sett ta’ Għodod għall-SMEs huwa mmirat lejn il-ġenerazzjoni aktar żagħżugħa bil-potenzjal ta’ ambizzjonijiet ta’ negozju ġdid u se jkun ta’ gwida għalihom fil-fażijiet kruċjali tat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-istabbiliment tal-kumpanija, bħall-Pjan tan-Negozju, l-Akkwist tal-Finanzi, Legali, Kredenzjali Ekoloġiċi u Kummerċjalizzazzjoni.
Meta kellem lill-udjenza ta’ imprendituri żgħażagħ li jaspiraw għal negozju ġdid, il-fundatur u Kap Eżekuttiv ta’ New York Best Tommy Diacono spjega kif l-istabbiliment ta’ negozju mill-qiegħ nett kien ta’ sfida imma fl-istess ħin ta’ sodisfazzjon kbir fit-tul. Huwa rrakkonta l-istorja ta’ kif il-kumpanija tiegħu mxiet minn bidu umli ħafna, sakemm stabbilixxiet lilha nnifisha fis-settur tal-catering fi żmien ftit snin.
Is-Sur Diacono qal li d-dedikazzjoni tiegħu u l-viżjoni biex jagħmel l-affarijiet differenti kienu s-sigriet wara s-suċċess tad-ditta tiegħu.
Il-fundatur u Kap Eżekuttiv ta’ ‘Think’ Bjorn Azzopardi wkoll indirizza l-avveniment u tkellem dwar l-esperjenza tiegħu fl-istabbiliment tan-negozju tiegħu u l-isfidi li ltaqa’ magħhom tul it-triq. Huwa spjega kif il-kumpanija tiegħu bdiet tiddisinja u tiżviluppa l-websajts fl-2003 imma malajr espandiet biex issa toffri portafoll sħiħ ta’ servizzi relatati mal-web.
Azzopardi qal li bid-determinazzjoni u bid-dedikazzjoni, flimkien mat-tim tiegħu, huwa rnexxielu joħloq niċċa fis-suq diġitali lokali.
Filwaqt li ta merħba lill-udjenza żagħżugħa, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta Frank V. Farrugia qal li kemm fl-istadji bikrija tan-negozju l-ġdid, kif ukoll fi kwalunkwe stadju ieħor tal-istabbiliment tan-negozju, dejjem ikun hemm ċirkostanzi li jġiegħlu lill-imprenditur jiddubita jekk l-isforz u s-sagrifiċċju humiex vallapena.
“Minkejja l-isfidi li jidhru kważi impossibbli, l-isforz ikun vallapena ladarba n-negozju jkun sab saqajh. Żommu raskom ’il fuq u ppersistu. Oħolmu kbir, aħdmu b'saħħa, uru lilkom infuskom u kunu ċerti li tinstemgħu. Kunu ċerti li tisfruttaw l-għajnuna u l-gwida kollha li tistgħu tieħdu mill-ħafna organizzazzjonijiet u mill-inizjattivi kontinwi mmirati biex jappoġġjaw lin-negozji l-ġodda,” qal is-Sur Farrugia.