Għix mumenti ta’ skiet u riflessjoni

Hekk kif bdiet il-Ġimgħa Mqaddsa, id-Dar tal-Irtiri Mount St. Joseph ħasbet biex torganizza rtir fis-skiet għal kulħadd.
Dan hekk kif mill-Ħamis 13 ta’ April sal-Ħadd 16 ta’ April, Mount St. Joseph se tiċċelebra l-Ġimgħa Mqaddsa fit-talb flimkien ma’ Fr Christopher Vella u għadd ta’ lajċi oħra.
Apparti hekk, mill-Ġimgħa 19 ta’ Mejju sal-Ħadd 21 ta’ Mejju, id-Dar tal-Irtiri Manresa, f’Għawdex, se torganizza rtir fil-kampanja bl-għan li l-veduti u l-ħsejjes tan-natura jservu ta’ għodda biex nimmeditaw fuq min ħalaqhom. Dawn iż-żewġ irtiri se jitmexxew minn Edward Warrington u Rosalie Scicluna.
Il-ġimgħa ta’ wara, se jiġi organizzat seminar/workshop ta’ ġurnata għal kulħadd. Dan hekk kif is-Sibt 6 ta’ Mejju, kull min jattendi s-seminar organizzat f’Mount St. Joseph se jiskopri kif il-kitba tista’ ssir għodda li tgħinna niċċaraw diversi ħsibijiet u xewqat imċajpra. Is-seminar/workshop se jkun immexxi minn Maria Theresa Portelli.
Barra minn hekk, mill-Ġimgħa 19 ta’ Mejju sal-Ħadd 21 ta’ Mejju, Mount St Joseph se torganizza seminar li matulu se jiġu esplorati l-konnessjonijiet bejn il-Vanġelu ta’ San Ġwann u l-Eżerċizzi ta’ Sant’Injazju. Se jkun hemm ukoll mumenti ta’ talb personali kif ukoll qsim ta’ esperjenzi flimkien. Dan is-seminar se jkun immexxi mill-Professur Anthony Frendo.
Għal iktar informazzjoni jew biex tibbukkja post tista’ ċċempel fuq 2276000 jew tibgħat imejl.