“Għinuna neliminaw il-monopolju tal-Gvern dwar il-fuel” – PD

Il-Partit Demokratiku (PD) appella lill-Kumissarju għall-Kompetittività tal-Unjoni Ewropea, Margrethe Vestager, sabiex tinfetaħ investigazzjoni dwar dak li skonthom hu ‘monopolju’ fuq is-settur tal-fjuwil u li għaldaqstant ħoloq nuqqas ta’ kompetizzjoni ġusta.
F’ittra miktuba mill-Kap tal-PD, Anthony Buttigieg, intqal kif il-kumpanija statali Enemed Company Limited hija l-unika kumpanija f’Malta li timporta, taħżen u tbigħ il-petrol, liema ‘monopolju’ saħaq li ilu għaddej aktar minn 11-il sena.
Buttigieg kompla jgħid kif dan jikser numru ta’ regoli tal-Unjoni Ewropea, li kienet fetħet proċedura ta’ ksur tar-regoli kontra Malta, 10 snin ilu, u liema regoli għadhom jinkisru sal-lum.
Buttigieg ikkowta ukoll l-Artiklu numru 37 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFEU) li jgħid li l-Istati Membri jridu jaħdmu kontra u jeliminaw kwalunkwe monopolju kummerċjali sabiex jassiguraw li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni fejn jidħlu l-kundizzjonijiet li bihom il-prodotti jiġu akwistati u mqiegħda fis-suq.
Fl-appell, Buttigieg saħaq li f’Malta l-konsumaturi m’għandhomx għażla kif ukoll ħjiel ta’ liema ditti ta’ petrol u diesel qed jixtru. Jgħid ukoll li l-prezz huwa l-istess f’kull parti tal-gżejjer Maltin.
Kompla jispjega kif skontu waħda mir-raġunijiet prinċipali ta’ din is-sitwazzjoni hija li l-Enemed hija s-sid tal-faċilitajiet tal-ħażna kollha fis-suq lokali. Jinsisti wkoll li jekk mhix se taċċetta li kompetituri jużaw dawn il-faċilitajiet għal prezzijiet raġjonevoli, se jibqgħu igawdu minn monopolju tad-defacto.
L-ittra tgħid ukoll li l-Kummissjoni Ewropea għamlet żball kbir meta’ għalqet il-proċedura ta’ ksur tar-regoli li kienet infetħet kontra Malta, wara li kien ikkreat qafas legali li jagħti l-liċenzji għall-importazzjoni, ħażna u bejgħ ta’ prodotti petroliferi. Għalhekk jgħidu li l-Kummissjoni ma’ użatx il-poter tagħha li tivverifika b’termini prattiċi kif il-leġiżlazzjoni sussidjarja kellha tkun implementata fir-realtà.
Buttigieg irrefera wkoll għall-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), hekk kif qal li mhix effiċjenti meta tiġi biex tipproteġi l-konsumatur Malti f’dan ir-rigward.