Filmat: “Għinu lill-foqra, uru l-imħabba” – l-Isqof Grech

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech tkellem dwar l-importanza li wieħed jagħmel karità mal-foqra. Sostna li b’dan il-mod inkunu qed npoġġu fil-prattika l-kmandament tal-imħabba. Dan qalu fl-omelija tal-Manifestazzjoni djoċesana ta’ Kristu Re fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna ta’ Pinu fl-Għarb. Fl-istess ċelebrazzjoni kien hemm ukoll il-ftuħ tas-Sena Djoċesana Marjana.

Mons. Grech għamel referenza għall-ġrajja tat-tieġ ta’ Kana fejn spjega kif maż-żmien il-ħajja spiritwali tal-Lhud kienet sofriet bidla kbira. Qal li “r-relazzjoni tagħhom ma’ Alla ma baqgħetx relazzjoni ta’ namur u għerusija msensla bl-imħabba, imma ġiet ridotta għall-osservazzjoni ta’ ħafna regoli u liġijiet.” Spjega kif tul is-snin aktar ma żdiedu r-regolameti, il-bniedem aktar ġie konxju mid-dgħufija tiegħu u kiber fih is-sens tal-ħtija u minn hawn inħolqu r-riti tal-purifikazzjoni bl-ilma.

Fl-omelija, Mons. Grech spjega li l-miraklu li seħħ f’Kana ma kienx li l-ilma inbidel fi nbid, imma li permezz ta’ dan is-sinjal Ġesù wera l-glorja tiegħu. Qal li Ġesù kien magħhom imma kienet preżenza moħbija tant li l-mistiedna ma ntebħux bih. “Illum ukoll Ġesù qed magħna u fostna. Imma huwa fatt li fost dawk li jmorru l-knisja jew jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet varji tagħna, kif ukoll fost dawk li tgħammdu imma nqatgħu mill-komunità, hemm ħafna li għadhom ma ltaqgħux ma’ Ġesù,” kompla jgħid l-Isqof Grech.

Dwar is-Sena Djoċesana Marjana, l-Isqof Grech sosnta li f’din is-sena “qegħdin nistiednu lil Marija, Omm il-Knisja, biex tkun magħna u f’isimna titlob lil Ġesù jagħtina l-grazzja li l-ġarar tagħna (il-komunitajiet) jimtlew bi nbid frisk u jfuħ.”