“Għinu lil xulxin” – Il-Papa lill-ħabsin waqt li ħaslilhom riġlejhom

Pope Francis kiss a foot of an inmate during the celebrations of the Holy Thursday at the District House of Velletri prison, in Velletri near Rome, Italy, April 18, 2019. Vatican Media/­Handout via REUTERS

Il-Papa Franġisku ħasel u bies ir-riġlejn ta’ 12-il ħabsi l-Ħamis waqt is-servizz tradizzjonali tat-Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej. Hu qalilhom biex ikissru kull tip ta’ ġerarkija bejn il-ħabsin stess u l-liġi ta’ min hu l-aktar f’saħħtu u minflok jgħinu lil xulxin.

Filwaqt li l-papiet ta’ qabel il-Papa Franġisku kienu jqaddsu din il-quddiesa f’waħda mill-bażiliki l-kbar ġewwa Ruma u kienu jaħslu s-saqajn ta’ 12-il qassis, il-Papa Franġisku ħa din il-quddiesa solenni f’ħabsijiet, ċentri tal-immigranti u djar tal-anzjani. Din is-sena, qaddes il-quddiesa fil-ħabs ta’ Velletri, mal-40 kilometru fin-Nofsinhar ta’ Ruma.

Din hija l-ħames darba li l-Papa Franġisku qaddes ġewwa ħabs minn meta sar Papa fl-2013. Hu qal lill-ħabsin li fi żmien Ġesù, il-ħasil tar-riġlejn kien xi ħaġa li kienu jagħmlu l-iskjavi jew il-qaddejja. Qal li l-messaġġ tal-Evanġelju huwa li wieħed jeradika din il-ġerarkija u l-ħsieb li wieħed għandu bżonn jiddomina lil ħaddieħor. Spjega li dawk l-aktar f’saħħithom għandhom iservu lil dawk inqas ixxurtjati minnhom. Qal li kulħadd għandu jkun qaddej.