Għinhom jiġbru €96,000 bil-qari

Il-Fondazzjoni RE/MAX & Friends nediet ġabra għall-karità biex jinxtara tagħmir tal-qari għal aktar minn 67 persuna nieqsa mid-dawl.

Il- ġabra qed tiġi appoġġjata mill-President’s Trust u mill-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Litteriżmu.

Il-Fondazzjoni, flimkien ma’ 27 uffiċċju lokali tal-proprjetà ta’ RE/MAX madwar il-Gżejjer Maltin – qed torganizza serje ta’ attivitajiet żgħar għall-karità biex tiġbor fondi biex tgħin lill-President’s Trust tilħaq il-mira tagħha ta’ €96,000, li jkunu biżżejjed biex jiffinanzjaw bis-sħiħ ix-xiri ta’ dan it-tagħmir verament bżonnjuż.

Il-kampanja #HelpThemRead hija inizjattiva li bdiet minn sottokumitat iffurmat mill-fondazzjoni biex jirrappreżenta lil sidien tal-franchise, amministraturi, assoċjati u persunal ta’ RE/MAX Malta.

Numru ta’ kumpaniji kkontribwew ukoll għas-suċċess tal-kampanja #HelpThemRead, inkluż Eighty-Eight Ltd, kumpanija tal-branding, għall-kunċett u għax-xogħlijiet tal-arti, kif ukoll Jugs, il-kumpanija li torganizza avvenimenti, li offriet l-appoġġ sħiħ tagħha għal dawn l-attivitajiet ta’ karità.

Hemm numru ta’ attivitajiet oħra li se jiġu organizzati fil-ġimgħat li ġejjin. Iktar informazzjoni mill-paġna ta’ Facebook RE/MAX & Friends.