Għin lill-persuni b’diżabilità billi tixtri pittura

SPK

L-iSpeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia inawgura wirja artistika b’risq id-Dar tal-Providenza li qed tittella’ fil-Parlament, biex tgħin lill-persuni b’diżabilità li jibbenefikaw mill-ġid li twettaq id-Dar tal-Providenza fis-soċjetà.

L-iSpeaker Farrugia faħħar lill-fundatur tad-Dar tal-Providenza, il-Monsinjur Dun Mikiel Azzopardi, li ddedika l-ħidma pastorali tiegħu għall-kura tal-morda. Dun Mikiel Azzopardi kien jgħallem u jfarraġ lill-morda u lil qrabathom, filwaqt li kien għaraf li fi żmienu l-persuni b’diżabilità kienu jitħallew lura saħansitra maqfulin biex ma jiltaqgħu ma’ ħadd. Imbagħad, beda kampanja biex il-Maltin u l-Għawdxin jifhmu l-bżonn li jgħinu lil dawk li waqgħu lura fis-soċjetà u kien jisħaq li l-persuni b’diżabilità għandhom jiksbu r-rispett li jixirqilhom u li jkunu megħjuna.

L-iSpeaker qal li l-istorja tad-Dar tal-Providenza hija ħajja għax wara 53 sena, għadha għaddejja sal-lum.

Din il-wirja se ddum miftuħa sal-20 ta’ Diċembru. Il-pubbliku jista’ jżur din il-wirja matul il-ġimgħa bejn id-9am u t-8pm. Nhar il-Ħamis, 20 ta’ Diċembru, l-opri tal-arti se jinbiegħu permezz ta’ rkant fid-daħla tal-Parlament.