Għin lill-Fondazzjoni Richmond toffri r-rigal tat-terapija

Read in English.

Il-pandemija tal-Covid-19 waslet għal żieda sostanzjali fin-numru ta’ nies li jfittxu l-għajnuna għal raġunijiet ta’ saħħa mentali, u b’hekk domanda ħafna aktar qawwija għas-servizzi offruti mill-Fondazzjoni Richmond.

Fl-istess ħin però, bħal ħafna għaqdiet oħra, il-fondazzjoni qed issofri nuqqas ta’ dħul finanzjarju, u b’hekk qed titlob għall-għajnuna biex tkun tista’ toffri l-għajnuna professjonali lil min hu fil-bżonn.

Mill-bidu tal-pandemija, Richmond antiċipat li din seta’ jkollha  mpatt fuq is-saħħa mentali tan-nies, u b’hekk varat stħarriġ biex tistudja s-sitwazzjoni psikoloġika tal-popolazzjoni f’Malta. Dan l-istħarriġ qed isir f’diversi fażijiet, u s’issa n-nies irrapurtaw inkwiet dwar is-saħħa ta’ qrabathom, aktar sintomi ta’ dipressjoni u sens ġenerali ta’ għejja bis-sitwazzjoni. Iż-żgħażagħ huma fost l-aktar affettwati, u wrew sinjali ċari li qed taffettwahom is-solitudni.

Il-helpline 1770 irċieva aktar minn 2,900 telefonata bejn Jannar u Ottubru, 400% aktar mis-sena li għaddiet. Richmond offriet ukoll 4,220 siegħa ta’ terapija, b’35% aktar sessjonijiet f’Ottubru tal-2020 meta kkumparat mal-istess xahar fl-2019.

F’dan il-kuntest, Richmond qed titlob lill-pubbliku jgħinha toffri r-rigal tat-terapija, biex tkun tista’ tassigura servizz sostenibbli għal kull minn jeħtieġ għajnuna professjonali iżda ma jiflaħx iħallas għaliha. Kull Rigal tat-Terapija jiswa €50.

Il-fondazzjoni fakkret li mhux kull min għandu bżonn l-appoġġ għandu bżonn it-terapija, u għalhekk ipproduċiet numru ta’ vidjows edukattivi li jkopru suġġetti bħal anżjetà, stress, dipressjoni u oħrajn. Dawn il-vidjows jistgħu jinkisbu b’donazzjoni ta’ €2. Il-fondazzjoni għandha wkoll numru ta’ rigali oħra li ingħtaw mill-awturi u l-artisti tagħhom biex iservu bħala sors ta’ fondi, li jinkludu kotba, CD b’diski nostalġiċi u kalendarju b’attivitajiet għat-tfal.

Aktar dettalji fuq kif tista’ tgħin il-ħidma ta’ Richmond jinstabu hawn.