Għin lil uliedek ma jkunux vittma tal-bullying

Joe Huber jintervista lil Joanne Vella, counsellor u tissapportja tfal u adolexxenti bi ħtiġijiet emozzjonali, bħall-bullying, l-inkwiet familjari, id-dipressjoni u s-saħħa mentali.

Il-bullying hu xi ħaġa ta’ dan l-aħħar? 

Il-bullying minn dejjem kien jeżisti, imma issa qed insiru aktar konxji tiegħu. Il-bullying hu suġġett ikkumplikat ħafna għax jinvolvi l-ġenituri tal-vittma u l-vittma nnifisha, kif ukoll l-aggressur u l-ġenituri tiegħu jew tagħha. Hi sitwazzjoni li rridu niffaċċjawha lkoll flimkien. Irridu napprezzaw aktar l-importanza li nikkollaboraw, niddiskutu, nikkomunikaw u nempatizzaw, u mhux nikkompetu u nżidu l-kilba għall-poter u l-kontroll.

Għaliex wieħed isir bully jew vittma?

Il-bullying jiġi mix-xewqa tal-bully li jikkontrolla u juri li għandu setgħa fuq l-oħrajn. Madankollu, mill-esperjenza personali u anki mir-riċerka, jidher li l-vittmi jista’ jkollhom ċerti karatteristiċi komuni. Pereżempju, jekk ikollhom diffikultà biex ikunu assertivi, faċilment jisfgħu vittmi. Anki jekk ma jkollhomx grupp ta’ ħbieb, hemm ċans akbar li jsiru vittmi. Ir-riskju li jsiru vittma jikber meta jkunu neqsin mis-self-esteem jew iqisu lilhom infushom “differenti”. In-nuqqas ta’ social skills, bħalmeta jsibuha diffiċli jagħmlu ħbieb, jista’ jkun riskju ieħor, għax dan jista’ jwassalhom biex jippruvaw isiru ħbieb b’mod li jirrita lil dak li jkun.

Kulħadd jista’ jkun bully?

Iva, imma hemm fatturi li jistgħu jkabbru din it-tendenza, fosthom in-nuqqas ta’ social skills, jewdiffikultà biex jagħmlu ħbieb jew biex jimmaniġġjaw l-emozzjonijiet, l-aktar ir-rabja. Meta bniedem iħossu rrabjat mad-dinja, u jkollu perċezzjoni negattiva dwar l-oħrajn, tikber il-possibbiltà li jagħmilha tal-bully. Fatturi oħra huma n-nuqqas ta’ kapaċità li jempatizza, in-nuqqas ta’ rispett lejn ir-regoli, u l-kilba biex jeżerċita kontroll fuq ħaddieħor.

Hemm xi età partikolari li fiha wieħed jisfa’ vittma tal-bullying?

Bla ma jaħtu, l-istudenti għandhom tendenza akbar li jisfgħu vittmi, speċjalment dawk li s-soċjetà tqishom “differenti”. Fl-adolexxenza l-bullying jispikka aktar għax f’din l-età jagħtu kas ħafna ta’ x’jgħidu l-oħrajn fuqhom u jkun importanti għalihom li jikkonformaw mal-klikka tamparhom. Dangħalihom huwa żmien ta’ konfużjoni għax l-adolexxent ikun qed ifittex l-identità tiegħu, u jista’ jħossu mħawwad ħafna. Dawn il-fatturi u oħrajn joħolqu kundizzjonijiet perfetti biex jiżdied il-bullying. Anki l-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali jistgħu jżidu l-bullying għax meta persuna tuża dawn il-mezzi, tħossha tistħi inqas u tiddejjaq inqas tkun aggressiva ma’ ħaddieħor milli kieku tkun wiċċ imb wiċċ. Studenti li mhux soltu jkunu bullies jafu jibdlu l-imġiba tagħhom u jsiru bullies minħabba ċirkustanzi li jiffaċilitaw is-sitwazzjoni.

Kif nista’ ninduna li ibni/binti qed jiġi/tiġi bullied, anki online? 

Oqgħod attent għal xi bidliet fl-imġiba, jekk jirrita ruħu aktar malajr, tarah imdejjaq, jibdel il-burdata, jibda jmur ħażin fl-istudju. Jekk il-bullying qed isir fl-iskola, probabbli jibda jgħidlek li ma jridx imur. Dawn huma kollha indikaturi, imma mhux bilfors ifissru li qed jiġu bullied. L-aħjar mod biex tkun taf huwa li tavviċinah, tgħidlu bil-bidliet li nnutajt fih u tistaqsih hemmx xi ħaġa li qed tinkwetah. Fl-istess ħin fakkru li int qiegħed hemm biex tgħinu.

Indikaturi oħra, speċjalment fi tfal żgħar, jistgħu jkunu wġigħ ta’ ras u stonku mqalleb, speċjalment meta ma jkunx hemm spjegazzjoni medika għalihom. Indikatur ieħor huwa dak li jissejjaħ social withdrawal, jiġifieri “jirtira” u jżomm bogħod mill-familja u l-ħbieb.

Dawn l-indikaturi ssibhom ukoll meta l-bullying isir online. Hawn tista’ tinnota bidliet fil-mod kif jużaw il-mobile jew il-laptop għax tarahom jinkwetaw meta jiġu biex jużawhom jew jieqfu jużawhom.

X’nagħmel jekk ninduna li xi ħadd minn uliedi qed jiġi bullied?

Jekk il-bullying qed iseħħ fl-iskola, agħmel rapport l-iskola. Jistgħu jirrappurtaw anki huma stess lill-guidance teacher, lill-kap tal-iskola jew lill-assistent kap, lill-counsellor jew lil xi għalliem tal-fiduċja. Jekk ma jħossuhomx komdi jirrappurtaw fl-iskola, jistgħu iċemplu 179. Anki l-ġenituri jistgħu jċemplu 179 biex ikunu jafu x’għandhom jagħmlu. Jekk il-bullying isir online, ipprova żomm screen shots taċ-chats u inkuraġġihom jimblukkaw lill-bully.

X’ngħid lil uliedi jekk qed ikunu bullied?

L-importanti mhux x’tgħid imma x’tagħmel. U dak li għandek tagħmel hu li tisimgħu bla ma tiġġudikah jew tgħidlu kliem bħal, “Kemm int rieqed! Qum fuq tiegħek!” Fakkarhom li int qiegħed hemm biex tissapportjahom u li huma ma għandhom l-ebda tort għal dan il-bullying. 

Is-sistema edukattiva tagħna mħejjija tajjeb biex tikkontrolla l-bullying fl-iskejjel?

Il-policies kollha hemm qegħdin, imma fil-prattika hemm bżonn investiment akbar biex ikunu impjegati aktar counsellors, għalliema tal-guidance, għalliema li jittekiljaw il-bullying, kif ukoll aktar għalliema fl-iskejjel. 

Tista’ tara l-verżjoni diġitali ta’ FLIMKIEN billi tagħfas hawn.