Għin familji vulnerabbli jibagħtu t-tfal l-iskola

Il-pubbliku jista’ jgħin tfal li ġejjin minn familji vulnerabbli jmorru l-iskola.

Is-St Jeanne Antide Foundation bdiet ġabra sabiex biha jkunu jistgħu jgħinu familji foqra jixtru l-oġġetti neċessarji għal uliedhom li għadhom fl-iskola.

Min forsi ma jaffordjax jagħti flus, u għandu xi oġġetti ġodda li jintużaw fl-iskejjel jista’ wkoll jagħti dawn bħala donazzjoni. Dawn l-oġġetti jistgħu jittieħdu fl-uffiċċju tal-Fondazzjoni f’Ħal Tarxien.

Sa issa inġabru €1,965 permezz ta’ 57 donazzjoni. L-għan huwa li jinġabru €2,500. B’dawn il-flus se jinxtraw biros, lapsijiet, files, markers, basktijiet tal-iskola, staplers u punchers, uniformijiet u affarijiet oħrajn.

St Jeanne Antide hija organizzazzjoni mhux governattiva bl-għan li tipprovdi servizzi ta’ appoġġ professjonali lil individwi u familji vulnerabbli. Din l-organizazzjoni titmexxa mis-Sorijiet tal-Karità ta’ St Jeanne Antide Thouret.

Jekk tixtieq tagħti donazzjoni, tista tgħafas hawn.