Għajdut qawwija dwar Kummissarju ġdid; Skiet mill-Pulizija

Il-Pulizija wieġbet b’silenzju dwar jekk il-Kummissarju tal-Pulizija hux se jinbidel minkejja li hemm għajdut dwar dan.

Sorsi ta’ Newsbook.com.mt qalu li kien hemm il-possibiltà li l-Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija Angelo Gafa jieħu post il-Kummissarju preżenti Lawrence Cutajar.

Gafa talab lil din il-kamra tal-aħbarijiet biex jirreferi l-mistoqsijiet dwar dan is-suġġet lit-taqsima tar-relazzjonijiet tal-midja tal-Pulzija. Madanakollu, ħamest ijiem wara, il-Pulizija għadha ma rrispondietx. Newsbook.com.mt staqsa jekk hux veru jew le li Gafa se jkun appuntat bħala l-Kummissarju l-ġdid. Staqsa wkoll għaliex se jsir dan it-tibdil.

Illum is-sit tal-Partit Nazzjonalista NetNews kiteb li qed issir pressjoni biex jinbidel il-Kummissarju tal-Pulizija. Is-sit ikkwota sorsi fi ħdan il-Partit Laburista li qalu li l-Gvern ma jridx “ipaxxi” lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u jbiddel il-Kummissarju.

Wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian  Delia kien talab għar-riżenja tal-Kummissarju Cutajar. NetNews isemmi wkoll lil Angelo Gafa bħala l-persuna indikata biex tilħaq flok Cutajar.

F’April tal-2018, id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li Surġent tal-Pulizija kien informa lit-tliet persuni akkużati bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li kienu se jiġu arrestati. Azzopardi talab għar-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar. Qal li l-Gvern jinsab f’kollużjoni mal-kriminali.

F’Lulju ta’ din is-sena,  Delia insista li l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar għandu jirreżenja ġaladarba qiegħda tgħib daqshekk evidenza utli f’każijiet tal-Qorti mill-Qorti stess jew mill-għases.

Fi Frar tal-2017, il-Membru tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech staqsa kif il-Gvern irid Kummissarju wieħed għal ħames snin, meta f’inqas minn erba’ snin ta’ Gvern Laburista, Malta kellha ħames Kummissarji tal-Pulizija differenti.

F’Mejju l-Partit Demokratiku qal li huwa mħassab dwar in-nuqqas ta’ aġir tal-Kummissarju tal-Pulizija fil-konfront tar-rivelazzjonijiet ta’ The Daphne Project – proġett bl-għan li jkompli fuq ix-xogħol tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

F’April tal-2016, Daphne Caruana Galizia kitbet li taħseb li l-eks Kummissarju Michael Cassar kien taħt pressjoni biex jinvestiga lil persuni li kienu fil-Gvern. Żiedet tgħid li dan ma riedx u allura rreżenja. Cassar kien qal li rriżenja għal raġunijiet tas-saħħa. Warajh laħaq Lawrence Cutajar.