“Għidu x’tafu fuq il-ħasil tal-flus fl-Electrogas” – Repubblika lil Siemens

Read in English.

L-għaqda Repubblika kitbet lill-President u Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Siemens Joe Kaser u talbitu biex jiddikjara pubblikament x’taf il-kumpanija fuq il-ħasil tal-flus involut fil-ftehim tal-Electrogas.

F’ittra ffirmata mill-President ta’ Repubblika, Prof. Vicki Ann Cremona, Repubblika tgħid lill-kumpanija tagħmel il-parti tagħha u tħassar il-kuntratti ffirmati minn Electrogas fuq il-bażi li dawn kienu bbażati fuq il-korruzzjoni.

Repubblika semmiet kif Siemens tiftaħar li hija kumpanija ta’ negozju nadif, u li l-valuri tagħha huma r-responsabbiltà, l-eċċellenza u l-innovazzjoni. Minkejja dan, minħabba li daħlet f’negozju ma’ Yorgen Fenech, li issa huwa akkużat b’kompliċità fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, insistiet Repubblika, Siemens m’għenitx il-klima ta’ korruzzjoni f’Malta u ħolqot suq inġust billi għenet fl-iżvilupp ta’ monopolju privat kostruwit mill-korruzzjoni.

Għalhekk, l-għaqda talbet lill-kumpanija tikkommetti ruħha għall-verità u l-ġustizzja u tħassar il-ftehim korrott “li wassal għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.”

Ilbieraħ, il-kumpanija Gasan ħabbret li qed taħdem biex toħroġ mill-ftehim tal-Electrogas. Ir-reazzjoni ta’ Repubblika għal dan kienet li tajjeb li l-familja Gasan iddikjarat li qed tara kif toħroġ mill-Electrogas, imma dan mhux biżżejjed. 

Il-Grupp Gasan qal fi stqarrija lbieraħ li, “Jekk hawn allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni fir-rigward tal-proġett, ma kellna xejn x’naqsmu: aħna ma pparteċipajniex fih, ma appoġġjanihx, ma skużajnihx u ma konniex nafu dwaru. U jekk verament ġara, nikkundannawh mingħajr riżerva u nafdaw li ssir ġustizzja,” insista l-Grupp.

Jason Azzopardi jistaqsi dwar iż-żjara ta’ Siemens f’Malta

Intant, id-Deputat Jason Azzopardi, li huwa wkoll l-avukat tal-familja Caruana Galizia, staqsa mistoqsija parlamentari lill-Prim Ministru Robert Abela u lill-Ministru għall-Enerġija Michael Farrugia dwar l-Electrogas.

Billi l-Parlament mhux jiltaqa’ bħalissa minħabba li hu żmien is-sajf, huwa ppubblika l-mistoqsija tiegħu fuq Facebook.

Kiteb li peress li delegazzjoni għolja minn Siemens tasal Malta fil-weekend li ġej u l-Kap Eżekuttiv ta’ Siemens Italia jasal it-Tnejn għal jumejn, huwa staqsiehom ma’ min se jiltaqgħu dawn, meta saret it-talba għal laqgħat u minn min intalbet. Staqsa wkoll huwiex veru li dawn il-laqgħat huma marbuta mad-dikjarazzjoni ta’ Gasan dwar l-Electrogas u jekk il-Gvern iridx jikkanċella l-kuntratt tal-Electrogas.

Żied jistaqsi jekk xi uffiċjali tas-Siemens humiex taħt investigazzjoni kriminali u jekk it-tmexxija tas-Siemens offrietx jew intalbitx tiltaqa’ mal-Pulizija biex tagħti informazzjoni fuq il-kuntratt tal-Electrogas.

Ghadni kemm ipprezentajt Mistoqsija Parlamentari lil Prim Ministru u lil Ministru ghall-Energija dwar…

Posted by Jason Azzopardi on Thursday, September 24, 2020