“Għidu x’tafu dwar it-tixħim mill-proġett tal-Electrogas”

Il-familja ta' Daphne Caruana Galizia tibgħat ittra lill-Kap Eżekuttiv ta' Siemens

Read in English.

Il-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia kitbet lill-kumpanija Siemens AG fejn talbitha tiddikjara x’għarfien għandha dwar ħasil ta’ flus u kickbacks fil-ftehim tal-Electrogas Malta.

L-Electrogas Malta huwa konsorzju magħmul minn Siemens, Socar u GEM Holding Ltd (GEM Holding hi magħmula minn Gasan Group, Tumas Group u CP Holdings) li twaqqaf biex imexxi l-powerstation tal-gass.  

F’Jum il-Libertà tal-Midja mfakkar ilbieraħ, ulied Daphne – Matthew, Andrew u Paul, u l-armel tagħha Peter, bagħtu ittra lil Josef Käser, il-Kap Eżekuttiv ta’ Siemens AG. Huma talbuh biex il-kumpanija tiftaħ il-bibien tagħha biex issir ġustizzja kemm għall-qtil ta’ Daphne kif ukoll mal-kriminalità li esponiet.

Fakkruh li Yorgen Fenech, wieħed mill-imsieħba tagħhom fil-konsorzju tal-Electrogas, jinsab akkużat li kkummissjona l-assassinju ta’ Daphne fis-16 ta’ Ottubru 2017. Fissrulu li kienet Daphne li żvelat l-iskema ta’ tixħim f’dan il-konsorzju. “Hekk kif kienet se tibda tesponi r-rabtiet ma’ uffiċjali pubbliċi fl-Ażerbajġan u f’Malta, Fenech beda jaħdem fuq pjan biex Daphne tiġi assassinata”, tgħid l-ittra.

Il-familja Caruana Galizia qed titlob lil Siemens biex jiddikjaraw pubblikament kull għarfien li għandhom dwar il-ħasil ta’ flus u l-iskema ta’ kickbacks marbuta mal-ftehim tal-Electrogas. Saħqu li jekk ma tagħmilx dan, Siemens mhux se tnaddaf isimha minn dan l-iskandlu, filwaqt li huma ma jkunux jistgħu jassiguraw li ssir ġustizzja sħiħa ma’ Daphne.

L-armel u wlied il-ġurnalista talbu lill-kumpanija biex tieħu l-proċeduri kollha biex jaqa’ dan il-ftehim, għax inkella “l-poplu Malti ma jkunx jista’ jinnegozja ftehim ġust u leġittimu”.

Il-familja ta’ Daphne talbet l-impenn sħiħ ta’ Siemens biex flimkien jaraw li ssir ġustizzja. Irrimarkat li mill-proċeduri ġudizzjarji f’Malta kif ukoll mix-xogħol ta’ ġurnalisti investigattivi, “illum jew għada ż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma u toħroġ il-korruzzjoni kollha”.

Il-kumpanija Siemens, li għandha sehem ta’ minoranza fl-Electrogas Malta, kienet qalet li malli ħarġu l-allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Yorgen Fenech u l-kumpanija 17 Black, hi talbet sabiex jitneħħa mill-Bord tad-Diretturi.

Tista’ taqra l-ittra sħiħa hawn.