Għidtilkom 3 snin ilu… – Evarist Bartolo

Luke Zerafa

Read in English.

Il-Ministru Evarist Bartolo sostna fuq Facebook li tliet snin ilu kien staqsa jekk il-persuni li kienu fil-politika kienux hemm għall-interessi personali jew għall-ġid komuni.

Din il-post hija waħda fost sensiela ta’ posts ta’ Bartolo fejn jirrifletti dwar is-sitwazzjoni kurrenti tal-pajjiż. Bartolo spjega li ilu 41 sena jaħdem fil-Partit Laburista u serva 27 sena minnhom bħala membru parlamentari. Qal li kkontesta seba’ elezzjonijiet ġenerali u f’kull waħda minnhom ġie elett minn żewġ distretti.

Irrimarka li dan iż-żmien għalih huwa żmien ferm diffiċli u ta’ wġigħ li qatt għex fil-politika. Qal li kien għamel il-mostoqsijiet tiegħu fil-Parlament meta f’Mejju tal-2016 nkixfu l-kontijiet bankarji sigrieti fil-Panama ta’ 140 politiku f’50 pajjiż differenti, fosthom Malta. Qal li kien tkellem dwar “il-mod ta’ kif il-ħbiberiji fin-negozju u fil-politika jġibu problemi serji u passi immorali.”

Qal li kien semma fuq “kemm irridu noqogħdu attenti biex il-governanza demokratika ma tkunx imniġġsa u ma tkunx imħassra minn networks sigrieti, minn networks ta’ ħbieb, minn interessi li jniġġsu l-proċess tal-mod kif jittieħdu d-deċiżjonijiet f’soċjetà demokratika.”