“Għidli x’għandha l-mara u nirrispondik” – l-Ispeaker jintervjeni

Read in English.

L-Ispeaker Anġlu Farrguia kellu jintervjeni wara li domanda supplementari tad-deputat Nazzjonalista Herman Schiavone wasslet għal battibek mal-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.

Waqt il-ħin tal-mistoqsijiet, Schiavone stqarr li l-mara tiegħu kienet għadha kemm irċievet appuntament tal-Isptar għal sena u xahar ieħor. Hu staqsa għalfejn appuntament jingħata għal sena wara.

Fearne wieġeb billi qallu: “Għidli x’ għandha l-mara u nkun nista’ nirrispondik”. Il-Ministru għas-Saħħa qal li biex iwieġeb għal din il-mistoqsija irid ikun jaf l-kundizzjoni medika u l-appuntament minn liema dipartment ħareġ. Fl-isfond, il-Whip Laburista Glenn Bedingfield instema’ jgħid li anki ommu ngħatat appuntament fit-tul. Il-Ministru qal li pazjent jirċievi tfakkira (reminder) ġimgħa qabel kif ukoll jumejn qabel permezz ta’ SMS.

Schiavone speċifika li din ma kinitx mistoqsija dwar il-mara tiegħu iżda mistqosija ġenerali dwar il-pazjenti kollha li jkollhom appuntament l-isptar. Il-battibek baqa’ għaddej anki waqt li l-iskrivan tal-kamra beda jaqra l-ordnijiet tal-ġurnata u kellu jintervieni l-ispeaker Anġlu Farrugia.