“Għext barra minn Malta, u rajt il-gżira tinbidel f’miraklu” – Prof. Mulè Stagno

Il-Professur Luciano Mulè Stagno qal li beda japprezza l-qabża kbira li għamlet Malta tul dawn l-aħħar snin, meta reġa’ ġie jgħix fuq il-gżira wara li għamel snin sħaħ jaħdem fl-Istati Uniti. Fl-istess waqt jirrimarka li s-suċċess tal-pajjiż jista' jdur kontrih.
Waqt iċ-ċerimonja ta’ gradwazzjoni tal-istudenti tax-Xjenza, tal-Filosofija u tal-Arti fil-Knisja tal-Ġiżwiti l-Belt, il-Professur Mulè Stagno ddeskriva l-ekonomija ta’ Malta bħala “l-iktar ekonomija b’saħħitha fin-Nofsinhar tal-Ewropa, minkejja n-nuqqas ta’ riżorsi naturali”, u r-raġuni ewlenija għalfejn bosta Maltin waqfu jfittxu opportunitajiet f’pajjiżi barranin filwaqt li l-barranin issa qed iduru lejn il-gżira biex isibu xogħol.   
"Is-suċċess tal-pajjiż jista' jaħdem kontrih"
Madankollu, il-Professur Mulè Stagno qal li s-suċċess li qed ikollu l-pajjiż jista’ jaħdem kontrih, hekk kif l-ekonomija b’saħħitha qed tattira iktar nies, qed twassal f’żieda tal-popolazzjoni u għalhekk qed tpoġġi piż ikbar fuq l-ambjent u r-riżorsi naturali tal-gżira.  
Skontu, id-daqs żgħir tal-gżira jġib miegħu sfidi speċifiċi, bħad-diffikultà li jiġu installati mekkaniżmi kbar li jipproduċu enerġija rinovabbli.
Il-Professur spjega li madwar tmien snin ilu, il-pajjiż ma kien juża l-ebda sorsi ta’ enerġija rinovabbli, imma issa qiegħed fi triqtu biex jilħaq il-mira tiegħu għall-2020 li 10% tal-enerġija li jipproduċi tkun ġejja minn sorsi rinovabbli.
Il-Professur ħeġġeġ lill-gradwati biex ma jkunux bħall-bqija tas-soċjetà Maltija li tħares biss lejn in-negattiv, imma minflok jagħrfu l-kisbiet tal-pajjiż, u ma jiqfux jaraw u jistudjaw kif jsitgħu jkomplu jsaħħu l-pajjiż għalihom u għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajhom.
Filwaqt li faħħar ix-xogħlijiet ta’ restawr li saru fil-Belt, fl-Imdina u ċ-Ċittadella, kif ukoll il-ħidma li saret sabiex jitnaqqsu l-emissjoni ta’ Dijossidu tal-Karbonju fl-ajru, għax skontu qed jipproteġu l-wirt Malti, il-Professur Mulè Stagno qal li l-ikbar ġid tal-pajjiż jinsab fil-poplu stess.
Għal din ir-raġuni, huwa temm iħeġġeġ lill-gradwati l-ġodda biex ikomplu jiftħu l-imħuħ tal-Maltin, ikomplu jaħdmu għall-ugwaljanza, ikomplu jilqgħu lill-barranin u jkomplu jwettqu xogħol u riċerka li jmexxu l-pajjiż ‘il quddiem. 
Ritratt: Ian Noel Pace