“Għexna mumenti li jibqgħu mnaqqxa f’qalbna” – Joseph Chetcuti

Ritratt: The Footografer

Illejla waqt Araniissa fuq l-istazzjon One fit-8.30pm mhux se jkunu qed jonqsu l-emozzjonijiet u s-sorpriżi hekk kif Joseph Chetcuti u t-tim tiegħu se jirnexxielu jlaqqa’ żewġt aħwa wara ‘l fuq minn 50 sena, Ġulina u Duminku.

Il-programm hu wieħed irrekordjat u tajjeb li ngħidu li ftit ġimgħat wara Duminku mar għand il-Mulej!

Joseph Chetcuti jgħidilna kważi bid-dmugħ f’għajnejh x’sodisfazzjon din l-istorja hi għalih u għat-tim tiegħu meta laqgħa li għal bidu dehret impossibbli seħħet quddiem għajnejh.

“Konna biss ftit ġimgħat ‘l bogħod sabiex sorpriża bħal din tisfa’ fix-xejn! Għexna mumenti li jibqgħu mnaqqxa f’qalbna u l-ħarsa u t-tgħannieqa ta’ Ġulina u Duminku ma jien ser ninsiha qatt,” beda beix jgħid Joseph Chetcuti.

Ritratt: The FotoGrafer

“U meta Dominic, it-tifel ta’ Duminku nfurmani ftit ġimgħat wara li missieru mar għand il-Mulej, kien hemm fejn emozzjonajt ruħi u ħarġitli demgħa ta’ swied il-qalb u fl-istess ħin ta’ sodisfazzjon li wara ‘l fuq minn 50 sena u wara li għelibna l-ostakli kollha, għaqqadna liż- żewġt aħwa. Hija xena li l-ħlewwa tagħha għad jien irrid nara u ngħixha!” żied jgħid hu waqt li qalilna li Ġulina qatt ma rikbet ajruplan f’ħajjitha iżda ta’ 81 sena għelbet il-biżà u d-diffikultajiet li età venerabbli bħal dik iġġib magħha.

Joseph u t-tim ta’ Araniissa telaq għal din l-avventura biex il-ħolma ta’ dawn l-aħwa ssir realtà.

Iżda jumejn qabel il-mawra Duminku ttieħed l-isptar u t-tobba ma setgħux jikkonfermaw lil Joseph Chetcuti jekk kienux ser iħallu lil Ġulina tara lil ħuha minħabba raġunijiet serji ta’ saħħa.

“Onestament jien tlabt fuq li tlabt għaliex naf kemm kienet tfisser għal Ġulina u għal Duminku! Bdejt ngħid bejni u bejn ruħi li wasalna daqshekk viċin 48 siegħa ‘l bogħod ma nistax issa nitilfu din l-opportunità,” kompla jgħidilna filwaqt li ma kixifx aktar dwar x’ġara u kif se tkompli din l-istorja li issa se tkunu tistgħu ssegwu llejla, is-Sibt 11 ta’ Jannar, fuq l-istazzjon One.

Ritratt: The Fotografer

Matul dan il-programm naraw ukoll it-trasformazzjoni ta’ Martha, omm Malakail li naqset ‘il fuq minn 50 kilo. Tassew fenomenali!

Se napprezzaw flimkien f’dan il-programm il-mawra li l-familja Grima ingħatat minn Araniissa sabiex il-5 itfal flimkien ma’ ommhom u missierhom jiltaqgħu maz-zija Rosie li tant u tant iħobbu u li tant jimmissjaw!

U bilħaqq illejla terġa’ tirritorna d-Dama Jessica li issa tinsab irrabjata ferm illi Joseph ma għaziliex sabiex tippreżenta miegħu u lesta li tagħmel minn kollox sabiex tintagħżel għall-programm. Il-borma tkompli titħawwar għaliex Jessica mhijiex waħda li tħalliha għaddejja lixxa!

Ritratt: The Fotografer

Kif se tiżvolġi din l-istorja? Tkunu tafu waqt Araniissa.