Għexieren ta’ voluntiera qed jgħinuna minflok imorru ġurnata baħar – tabib

Miguela Xuereb

It-tabib Daniel Cauchi sostna fuq Facebook kif għexieren ta’ voluntiera qed jgħinu lit-tobba u l-ħaddiema tas-saħħa fil-ġlieda kontra l-pandemija minflok jgħażlu li jqattgħu l-ħin liberu tagħhom mal-familja jew ħdejn il-baħar. Cauchi huwa speċjalista tal-Mediċina għas-Saħħa Pubblika fid-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard.

Hu qal li l-festa ta’ Santa Marija hija magħrufa bħala jum ta’ mistrieħ jew divertiment għal ħafna. Qal iżda li dan, ilbieraħ, ma applikax għall-għexiern ta’ voluntiera li qattgħu sigħat twal, mingħajr ħlas, jgħinu lis-Saħħa Pubblika fid-diversi oqsma u timijiet li għandhom x’jaqsmu mal-coronavirus. Ilbieraħ Malta rat numru rekord ta’ każi ġodda pożittivi.

L-ispeċjalista qal li bosta minn dawn il-voluntiera huma studenti, ħaddiema minn kull qasam, professjonisti tas-saħħa u l-edukazzjoni u anek nies irtirati. Qal li dawn ilhom xhur twal jagħtu ħinhom bla tgergir, bi tbissima fuq wiċċhom, b’empatija enormi lejn il-proxxmu u b’sens ta’ responsabbiltà u mħabba lejn il-pajjiż.

“Wara ġurnata xogħol, jiġu jgħinuna. Minflok imorru jgawdu ġurnata baħar jew jistrieħu kif jistħoqqilhom, iqattgħu il-ħin liberu tagħhom iċemplu lin-nies fil-contact tracing; jieħdu t-temperaturi, swabbing, jgħinu fid-data management u bosta xogħol ieħor,” qal Cauchi.

Sostna li ma kienx hemm Ħdud jew festi għal dawn in-nies. Spjega li d-dedikazzjoni u ħinijiet li taw u għadhom qed jagħtu huma “tal-blieh”. Qal li lbieraħ, minkejja li festa, kien hemm min baqa’ għaddej jaħdem sa tard bil-lejl, anke wara l-ħin, biex jitlesta każ u jippruvaw ilaħħqu kemm jistgħu.

Hu rrimarka illi kieku ma kienx għal dawn il-voluntiera, żgur li ma kienux se jmorru daqshekk tajjeb fl-ewwel xhur tal-coronavirus. “Li kieku mhux għall-għajnuna u ħin li qed jagħtu bħalissa, is-sitwazzjoni xejn sabiħa li qed nħabbtu rasna magħha żgur li tkun ħafna iktar diffiċli milli hi,” irrimarka Cauchi.

“Ngħid għalija, dawn huma l-vera eroj. Nies li verament iħobbu l-proxxmu u lil Malta. Inħossni privileġġjat li sirt naf xi wħud minnhom. Tul dawn l-aħħar xhur, inħoss li sirna qisna familja,” kompla jgħid.

Ix-xewqa tiegħu hija li aktar nies japprezzaw dak li qed jagħmlu dawn il-voluntiera għall-ġid tal-Maltin kollha, jum wara l-ieħor. Hu kompla billi rringrazzjahom tal-ħidma tagħhom.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn