Għexieren ta’ persuni għandhom bżonn għajnuna urġenti – Caritas

Read in English.

Caritas Malta wriet it-tħassib tagħha hekk kif għexieren ta’ persuni qed isofru konsegwenzi soċjali u ekonomiċi minħabba l-coronavirus u b’hekk għandhom bżonn għajnuna urġenti.

Fi stqarrija, il-Caritas qalet li permezz ta’ persuni li qed iċemplu fuq il-linji tagħha li nfetħu apposta,  kif ukoll tal-ħidma mill-qrib ma’ NGOs u l-Kappillani fil-parroċċi, dejjem qed tiltaqa’ ma’ iktar realtajiet ta’ gruppi ta’ nies vulnerabbli li huma l-aktar f’riskju.

Il-Caritas semmiet numru ta’ problemi soċjali li qed taffaċċja fosthom: persuni li diġà kellhom dħul baxx qabel il-pandemija, anzjani li jgħixu waħedhom, ġenituri bi tfal b’diżabilità li naqsilhom ir-respite wara li waqqfu l-iskejjel, Maltin u barranin li spiċċaw bla saqaf u bla aċċess għal shelters minħabba restrizzjonijiet, barranin li tilfu x-xogħol jew naqsulhom is-sigħat b’mod drastiku, persuni bi problemi ta’ saħħa mentali jew bi problema ta’ dipendenza fuq id-droga u ma jistgħux jidħlu fi programmi minħabba li m’hawnx kwarantina adegwata, u t-tfal u nisa li qiegħdin f’periklu ta’ abbuż fi djarhom.

Il-Caritas qalet li fl-isfond ta’ dawn il-problem ħarġu wkoll diversi atti ta’ solidarjetà. Semmiet kif kien hemm kumpaniji privati li offrew għajnuniet diversi, sidien ta’ ħwienet li m’approfittawx mis-sitwazzjoni u ma għollewx il-prezzijiet, dawk is-sidien ta’ kumpaniji li komplew jappoġġaw il-ħaddiema barranin tagħhom li mhux intotolati għall-benefiċċji u anke dawk is-sidien tal-kera li raħħsu l-kera.

L-entità faħħret ukoll il-pakkett finanzjarju li qed jingħata mill-Gvern lil dawk li naqsilhom id-dħul, kif ukoll l-għajnuniet li jassistu kumpaniji biex jaqilbu għax-xogħol mid-dar, is-sussidji tal-kera u l-helplines li daħlu fis-seħħ. Qalet iżda li dawn mhux bilfors dejjem jolqtu lil dawk fost l-aktar emarġinati fis-soċjetà.

Id-Direttur ta’ Caritas Malta, is-Sur Anthony Gatt qal li dan huwa żmien straordinarju li qed jixpruna lil bosta biex ixammru l-kmiem iktar minn qatt qabel għall-bniedem fil-bżonn u jimpenjaw ruħhom biex l-istat, il-Knisja, NGOs u l-privat jikkollaboraw flimkien għall-ifqar fost il-fqar.

Mal-500 ikla sħuna mqassma kuljum

Ġie spjegat li l-Caritas bħalissa qed tirrispondi billi tipprovdi diversi għajnuniet soċjali fosthom il-koordinament u tqassim ta’ madwar 500 ikla msajra kuljum. The Alfed Mizzi Foundation huma l-isponsors ta’ dawn l-ikliet magħrufa bħala Solidarity Meals. Id-Djakonija Unit ta’ Caritas Malta tikkoordina t-tqassim bil-kollaborazzjoni tal-kappillani minn parroċċi differenti, il-Fondazzjoni St Jean Antide, il-Fondazzjoni Sebħ, Paolo Freire Institute u l-Millenium Chapel. Caritas torganizza ta’ kuljum roster ta’ madwar 40 persuna li qed toffri ħinha b’mod volontarju biex tqassam dan l-ikel b’mod sigur. Erba’ Hubs fil-paroċċi ta’ Wied il-Għajn, Bormla, l-iklin u Ħal Balzan huma ċentri li jirċievu l-ikel u li minnhom voluntiera jitilqu biex iqassmu l-ikel fuq l-għetiebi tal-persuni fil-bżonn b’mod li ma jkunx hemm kuntatt dirett uman. Qed jittieħdu numru ta’ proċeduri ta’ prevenzjoni.

Romina Cuschieri, waħda mill-voluntieri, espremiet li f’dan iż-żmien diffiċli fejn ma tistax tkun viċin dawk l-aktar li tħobb, ħaditha bħala opportunità li flimkien ma’ voluntiera oħra qed iferrħu familji fil-bżonn. Esprimiet li din hija esperjenza sabiħa immens tat-tqassim tal-ikel li qed iġġib ħafna ferħ fil-qalb tal-voluntiera.

Fr Keith Bonnici, il-Kappillan tal-Iklin qal li din hi inizjattiva ferm sabiħa tal-Knisja f’Malta u qed iġġib il-knisja aktar viċin in-nies f’dan iż-żmien tant diffiċli tal-COVID-19. Qal li din hi inizjattiva li qed tħalli ħafna ġid u jispera li tkun inizjattiva li togħġob lil Alla.

Il-proġett tat-tqassim tal-ikel beda fit-2 ta’ April b’200 ikla u f’għaxart ijiem telgħa għal kważi 500 ikla kuljum “b’ċertezza li n-numru jibqa’ tiela’.”

Albert Debono, il-Kap tad-Djakonija Unit fi ħdan Caritas Malta esprima li permezz ta’ dan il-proġett ta’ solidarity meals, f’dan iż-żmien straordinarju,: “qed jirnexxilna nkomplu bil-ħidma tagħna fil-parroċċi Maltin, mal-kummissjonijiet ta’djakonija fil-parroċċa li l-iskop ewlieni jkun li dejjem jaħdmu biex jilħqu lil dawk l-aktar fil-bżonn, F’dan iż-żmien qed naħdmu biex inwasslu ikla tajba sħuna ta’ kuljum lil dawk li għal xi raġuni jew oħra lanqas isajru ma jistgħu. Qed jitqassmu 490 ikla minn 4 postijiet f’Malta u din tfisser li qed inkomplu ngħinu lil dawk li s-soltu jiġu mgħejjuna minn persuni li minħabba ċ-ċirkostanzi llum ma jistgħux, Caritas qed tkun dik l-id ta’ estenzjoni biex tilħaq f’isimhom lil dawk l-aktar fil-bżonn.”

Fost dawk li qed jibbenefikaw hemm persuni anzjani jew morda li ntilfilhom l-appoġġ li kellhom fid-dar, familji b’persuni b’diżabbiltà li fuqhom żdiedet pressjoni kbira, persuni homeless, persuni b’diffikultajiet mentali u oħrajn.

Għajnuna f’forma ta’ hampers

Kollaborazzjoni oħra li għandna Caritas Malta hi mal-Malta Trust Foundation immexxija mil-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca, tgħin persuni li għaddejjin minn diffikultajiet serji imma li huma f’pożizzjoni li jippreparaw ikla huma. Dawn il-persuni qed jiġu direzzjonati lejn għajnuna li tikkonsisti f’hampers ta’ ikel.

Caritas Malta baqgħet issostni li din il-kriżi tista tiġi mirbuħa biss bis-solidarjetà u jekk kulħadd jgħin kif jista’ biex min m’għandux jgħix ma’ min għandu. Caritas Malta kompliet tapella għas-solidarjetà u l-empatija ma’ dawk l-iktar li qed ibatu b’konsegwenza tal-COVID-19 u anki ma’ dawk ħutna barranin fil-bżonn li qed isofru fost l-agħar emarġinazzjoni f’pajjiżna.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn